Malta, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra madwar id-dinja għandhom l-aħjar kwalità ta’ ilma għax-xorb.
Dan ħareġ minn rapport tas-sit World Population Review, li janalizza l-kwalità ta’ ilma għax-xorb minn madwar il-pajjiż u l-istudju hu bbażat fuq is-sena 2022.
Minn dan ir-rapport ħareġ li pajjiżna għandu l-aqwa kwalità ta’ ilma li wieħed jista’ jixrob, b’rata ta’ mija fil-mija.
Flimkien ma’ Malta bl-istess rata hemm disa’ pajjiżi oħra Ewropej, li huma r-Renju Unit, l-Olanda, il-Greċja, l-Awstrija, l-Iżvizzera, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Irlanda u l-Iżlanda.
Dan ifisser li l-ilma f’pajjiżna, minkejja li hi riżorsa skarsa, xorta għandna kwalità ta’ ilma għax-xorb tajba ħafna.
Minn dan ir-rapport ħareġ li fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, li huma meqjusin bħala żvillupati, il-kwalità tal-ilma hi tajba.
Fil-Ġermanja, ir-rata tal-kwalità tal-ilma hi ta’ aktar minn tmienja u disgħin fil-mija, waqt li fi Franza hi ta’ kważi erbgħa u disgħin fil-mija.
Joħroġ ukoll kif hemm pajjiżi li huma stati membri tal-Unjoni Ewropea, li għandhom rata ta’ kwalità ta’ ilma, li hi taħt is-sittin fil-mija.
Fost dawn hemm il-Bulgarija għandha rata ta’ tmienja u ħamsin fil-mija, il-Latvja u l-Litwanja, li għandhom rata ta’ aktar minn sebgħa u ħamsin fil-mija, waqt li r-Rumanija b’rata ta’ aktar minn ħamsa u ħamsin fil-mija.
Imbagħad pajjiżi oħra, b’mod partikolari dawk fil-kontinent Afrikan, li l-kwalità tal-ilma tax-xorb tagħhom huwa ħażin ħafna.
Tant li l-agħar pajjiż huwa n-Niger, b’rata ta’ taħt it-tnejn fil-mija fil-kwalità tal-ilma għax-xorb.
Sadanittant, fl-agħar għaxar pajjiż minn madwar id-dinja, il-kwalità tal-ilma tagħhom hi ta’ inqas minn tmienja fil-mija. B’dawn il-pajjiżi jinkludu n-Nigerja, it-Togo u l-Eritrea, fost oħrajn.