L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ħabbar kif se jkun qed jagħmel Viżta Pastorali bejn Ottubru u Mejju li ġej, liema viżta se tkun l-ewwel waħda minn kemm ilu Isqof ta’ Għawdex, u t-32 waħda minn kemm ilha mwaqqfa d-Djoċesi sa mill-1864.
It-tema magħżula għal din il-Viżta hi “U daħal joqgħod magħhom”, liema silta hi mill-ġrajja tal-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws wara l-Qawmien mill-imwiet.
Il-Viżta hi żjara li l-Isqof jagħmel lill-parroċċi u l-komunitajiet Kattoliċi fit-territorju tiegħu, bil-għan li jiltaqa’ mal-parruċċani.
Din il-Viżta se tiġi mħabbra uffiċjalment, il-Ħadd 22 ta’ Settembru, b’Ittra Pastorali tal-Isqof.
Iż-żjajjar fil-15-il parroċċa tad-Djoċesi ta’ Għawdex se jsiru bejn is-6 ta’ Ottubru u l-24 ta’ Mejju, b’waqfiet għaż-żminijiet liturġiċi bħal dawk tal-Avvent, il-Milied, ir-Randan u l-Għid.
“Il-Viżta Pastorali li se nagħmel flimkien ma’ saċerdoti oħra u flimkien mall-kappillani ta’ kull parroċċa għandha bħala skop, bħala għan illi tqarreb lil Ġesu’ lejn in-nies, u lin-nies lejn Ġesu’. Dan hu l-iskop. U Ġesu’ żgur jinteressaħ ħafna minn kulħadd. Ġesu’ tant għandu fiduċja fuq kull bniedem, hu min hu, jagħmel x’jagħmel f’ħajtu, kienet x’kienet l-istorja tiegħu, pero’ forsi, mhux dejjem kull bniedem jagħraf l-importanza li jista’ jkollu Ġesu’ f’ħajtu.”
F’kull parroċċa, il-Viżta tiftaħ b’Quddiesa l-Ħadd filgħodu u tagħlaq b’oħra s-Sibt ta’ wara filgħaxija.
Matul dik il-ġimgħa, barra ċelebrazzjonijiet oħra ta’ quddies, ikun hemm laqgħat tal-Isqof u d-delegati tiegħu mas-sezzjonijiet kollha tal-Parroċċa. L-Isqof se jkun qed isib il-ħin ukoll biex jiltaqa’ mad-diversi membri tal-parroċċa waqt il-laqgħat tagħhom, kif ukoll jagħmel żjajjar lill-morda u l-anzjani.