L-aġenzija Infrastructure Malta lestiet mas-sebgħin fil-mija tal-proġett tal-bini tal-breakwater ġdid u faċilitajiet għall-passiġġieri tal-laneċ f’Buġibba.
Dan tħabbar minn l-aġenzija governattiva f’kitba fuq il-midja soċjali.
Intqal li l-istruttura tal-breakwater, tul ta’ mija u tmenin metru se jtaffi aktar il-mewġ fil-bajja, waqt li se jipprovdi iżjed kenn għad-dgħajjes tas-sajd u opri tal-baħar oħrajn żgħar.
F’din il-kitba, Infrastructure Malta tenniet li se tipprovdi faċilitajiet għall-irmiġġ għal-laneċ tal-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport bil-baħar u pjattaformi aktar siguri għall-irmiġġ ta’ laneċ oħrajn tal-passiġġieri li jużaw l-istruttura eżistenti fis-sajf għal vjaġġar rikreattivi.
Intqal kif dan il-proġett qed isir b’kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.