Fl-Stadium Nazzjonali f’ Ta Qali intlagħbet il-finali tal-Pre Season Summer Cup fejn kienu Sliema Wanderers li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta 2-1 kontra Hamrun Spartans.
Mal-ftuħ tal-partita kienu Sliema l-aktar li kellhom minn dak li huwa logħob u ta’ dan huma kienu premjati fl-14 il-minuta meta irnexxilhom jiftħu l-iskor, hekk kif kien Adam Magri Overend li għadda ballun il-quddiem lill-Geoffrey Acheampong li wara li qabeż lid-difensur ta’ Ħamrun Mayron Marques, b’xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fl-azzjoni sussegwenti erbgħa minuti wara reġgħu kienu Sliema permezz ta’ Vito Plut li kellu xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa li għadda min fuq il-lasta l-minduda.
Fid- 29 minuta wieġbu għall-ewwel darba Ħamrun Spartans fejn kien Luke Montebello kellu l- cross shot tiegħu jkun salvat bla problemi minn Kelvin Emeka.
Fil-35 minuta Ħamrun Spartans kellhom gowl imħassar għall-offiside meta kien Talison li għadda l-quddiem lejn Luke Montebello li minn ġol-kaxxa tefa’ l-ballun fix-xibka bil-gowl ma jkunx konvalidat biex l-ewwel taqsima intemmet bl-iskor ta’ 1-0.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima Sliema Wanderers żiedu gowl ieħor minn penalty, meta wara azzjoni ta’ corner l-ballun deher jaħbat m’idejn Joseph Mbong fil-kaxxa, bir-referi Alex Johnson saffar għall-penalty li minnhu Murillo Friere Henrieqiue tefa’ fix-xibka u kabbar l-vantaġġ għal-Blues.
Fil-65 minuta Sliema spiċċaw b’plejer anqas meta Steve Pisani kien muri l-karta l-ħamra diretta wara foul fuq Daniel Letterby.
Fis-77 minuta Ħamrun Spartans resqu qrib li jnaqqsu l-marġini ta’ l-iskor meta kien corner ta’ Wendel Barros u Sven Xerri kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mdawwra f’corner ieħor mil-goalkeeper Sliemiż.
Fil-ħin miżjud Ħamrun Spartans naqsu il-marġini ta’ l-iskor meta xutt b’saħħtu ta’ Rapħael Lopez spiċċa wara l-goalkeeper Kelvin Emeka gġal skor finali ta’ 2 – 1 favur Sliema.
Fit-tmiem il-partita Sliema kienu preżentati bit-trofew tal-Pre Season Summer Cup mill-Viċi President tal-Malta Football Association Adrian Casha.