L-10 t’Awwissu l-festa ta’ San Lawrenz, b’din il-festa tiġi ċċelebrata fil-Birgu.
Lejliet il-festa, f’ġurnata sajfija mill-aktar sħuna, il-festa kienet fl-aqwa tagħha, biċ-ċelebrazzjonijiet u l-marċ tat-te deum.
Din il-festa, li hija fost l-iktar antiki f’dik li hi liturġija tal-Knisja, nsibu li dejjem kienet iċċelebrata bl-akbar popolarità fil-pajjiżi Kattoliċi tal-Ewropa.
Bdejna d-dawra tagħna, fil-Knisja Arċipretali, fejn tkellimna mal-Arċipriet Dun Karm Busuttil.
“Qegħdin nagħmlu l-Festa ta’ San Lawrenz. Bħal kull sena hawnhekk hawn ħafna entitajiet li kollha jaħdmu flimkien għal għan wieħed, biex inkabbru din l-imħabba lejn dan il-Qaddis illi jmiss il-qlub ta’ kulħadd.”
Fil-qalba ta’ din il-Knisja stajna naraw il-vara artisitika ta’ San Lawrenz, li hi mlibbsa bil-ħwejjeġ. F’dari din l-istatwa kienet titlibbes għal festa, ftit jiem qabel l-għaxra ta’ Awwissu, f’riġlejn l-artal tal-Kurċifiss.
Sadanittant, ftit metri ’l bogħod mill-Pjazza tal-Birgu rajna d-Dar Levita Martri, armata b’armar mill-iktar rikk. Hawnhekk waqt il-marċ tat-te deum ġiet imżanżna bandiera ġdida, bi stil uniku.
Tkellimna ma’ sid din id-dar Andrew Lawrence Zarb, li jieħu ħsieb li jarma din id-dar b’armar mill-iktar fin.
“Is-sena tiegħi tibda fil-11 t’Awwissu u tintemm fl-10 t’Awwissu, dik hija s-sena. Jiena minn mindu kont żgħir, kont mħeġġeġ mill-ġenituri u nanniet biex kont narma d-dar, u saret revoluzzjoni biex anke sibt il-voluntiera biex il-livell illum huwa bħal dak ta’ każin, għaliex hawn ħafna armar, ħafna armar prezzjuż.”
Fil-pjazza tal-Belt Rebbiħa tkellimna wkoll ma’ Bjorn Callus, President tas-Soċjetà Mużikali San Lawrenz, fejn qalilna dwar il-ħidma li ssir fil-jiem tal-festa.
“Kellna dak tal-antiviġilja, marċ magħruf sew mad-dilettanti Maltin, illum qiegħdin għall-marċ tat-te teum, u mbgħad għada filgħodu f’nhar il-festa nagħmlu marċ ieħor ta’ siegħa fejn niġbru lill-għaqdiet kollha tal-Birgu flimkien u nwasslu sal-knisja fejn anke nkunu qed nilqgħu lill-President tal-Parlament Ewropew, kif ukoll lill-Eċċellenza tagħha l-President tar-Repubblika ta’ Malta.”