B’reazzjoni għal filmat li tellgħet is-Sindku temporanju ta’ Birkirkara Desirei Grech fejn għamlet numru ta’ allegazzjonijiet ta’ theddid fuqha, il-Kunsillier Laburista Yana Debono Grech saħqet kif Grech għandha “tiċċara u tissostanzja dak li qalet sabiex ma jkunx hemm min jifforma ħsieb żbaljat fil-konfront ta’ persuni żbaljati b’mod speċjali ħaddiema tal-kunsill li dejjem ħadmu fl-interess tar-residenti karkariżi taħt diversi amministrazzjonijiet differenti.”
Hija tenniet kif bħala Kunsilliera f’isem il-Partit Laburista kkundannaw kull forma ta’ fastidju jew intimidazzjoni, u li dejjem ħeġġew djalogu kostruttiv u rispettabbli.
Debono Grech qalet kif huwa ta’ dispjaċir li dawn l-akkużi fuq motivazzjonijiet bla bażi qed jintużaw biex jgħawġu l-attenzjoni minn fuq il-kwistjonijiet veri li huma importanti għall-komunità ta’ Birkirkara u li huma se ser jibqgħu ffukati fuq it-titjib tal-lokal għar-residenti kollha
“Nittamaw li dawn l-ilmenti jiġu indirizzati b’mod dirett permezz ta’ l-għodod neċessarji minflok jiġu mgħoddija pubblikament b’mod li jista’ jikkawża aktar ħsara milli ġid” temmet tgħid Debono Grech.