Il-Partit Nazzjonalista baqa’ sal-lum ma daħħalx il-kontro-protest, għall-proċeduri ġudizzjarji li nbdew mill-eks Kunsillier tiegħu James Cauchi, wara li, bla ebda raġuni valida, iċċaħħad milli jerġa’ jikkontesta fl-aħħar Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Dan il-każ feġġ f’Mejju li għadda meta Cauchi, li kien ilu jservi bħala Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Bormla sa mill-ħolqien tal-kunsilli wieħed u tletin sena ilu, ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Partit tiegħu stess wara li dan ma daħħalx il-kandidatura tiegħu ma’ tal-oħrajn għand il-Kummissjoni Elettorali.
Skont dak il-protest, li wkoll infetaħ kontra l-Kummissjoni Elettorali, Cauchi kien assoċja l-fatt li l-kandidatura tiegħu baqgħet ma tressqet qatt quddiem l-Eżekuttiv tal-Partit, ma’ telefonata li rċieva minn uffiċjal tal-Partit stess ftit qabel biex jassoċja ruħu ma’ fazzjoni interna bl-iskop li jittajjar il-Kap Bernard Grech.
Waqt li, fuq diversi xhur mill-bidu tas-sena, il-kandidatura tiegħu kienet se tiġi approvata, inkluż mill-Kap innifsu, wara li l-każ kien sar magħruf minn ONE News, inħarġet stqarrija mimlija skużi mill-Partit Nazzjonalista fejn ukoll attakka lil Cauchi u akkużah bi ksur tal-istatut.
Waqt li baqa’ jinsisti li dan mhux minnu u ħadd mill-PN ma indikalu dan, Cauchi baqa’ mdendel sal-aħħar ħin sakemm għalqu n-nominazzjonijiet tal-elezzjonijiet, bil-konsegwenza li tilef kull ċans li jkun kandidat għall-ġid ta’ Bormla.
F’kull elezzjoni, qabel dik ta’ Ġunju li għadda fejn kien assenti, Cauchi dejjem kiseb l-akbar ammont ta’ voti għall-Partit Nazzjonalista u, anke jekk il-Partit tiegħu dejjem kien f’minoranza, f’okkażjoni minnhom kien saħansitra għadda lil kull kandidat ieħor fil-voti.
Minkejja dan, Cauchi, li kien ġie intervistat b’mod esklussiv minn dan l-istazzjon, iddikjara li l-Partit Nazzjonalista neżżgħu minn kull dinjità bid-deċiżjoni tiegħu.
Fl-elezzjoni tat-tmienja ta’ Ġunju li għadda, għall-ewwel darba, il-Partit Laburista eleġġa ħames kandidati minn daqstant siġġijiet f’din il-lokalità.
Għall-istess protest ta’ Cauchi, il-Kummissjoni Elettorali diġà wieġbet fil-Qorti u qalet li hi m’għandha l-ebda jedd li tindaħal f’materji ta’ partiti politiċi, għajr fejn tirrispetta tagħmel hekk bil-liġi.
Minkejja dan, il-Partit ta’ Bernard Grech ipprefera li jmewwet il-kawża f’sitwazzjoni, li wkoll imbarazzatu mal-partitarji tiegħu, mhux biss dawk fil-lokalità ta’ Bormla.