Tul it-tieni kwart ta’ din is-sena, ġew irrapportati aktar minn erbat elef u erba’ mitt aċċident tat-traffiku, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Minn dawn, aktar minn erbat elef u mija seħħew f’Malta, waqt li inqas minn tliet mitt aċċidenti ġraw f’Għawdex.
Imqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, jirriżulta li l-għadd hu erba’ fil-mija aktar din is-sena. Minkejja dan, xorta ġie rreġistrat nuqqas ta’ kważi tmienja fil-mija f’dawk li ndarbu fl-istess aċċidenti tat-traffiku.
Dan hekk kif kien hemm erba’ mija u disa’ persuni li weġġgħu f’aċċidenti simili bejn April u Ġunju li għaddew.
Il-maġġoranza tagħhom kienu rġiel, b’mitejn, tmienja u sittin persuna. Minnhom tlieta sfortunatament tilfu ħajjithom. Mija, wieħed u erbgħin persuna li weġġgħu kienu nisa.
L-aktar aċċidenti seħħew fil-ħin ta’ bejn nofsinhar u t-tlieta ta’ waranofsinhar, bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofsinhar u bejn it-tlieta u l-ħamsa ta’ waranofsinhar rispettivament.
Min-naħa l-oħra, l-inqas ammont ta’ aċċidenti seħħew bejn nofsillejl u s-sitta ta’ filgħodu.
Iż-żoni fejn l-aktar seħħew aċċidenti tat-traffiku kienu dawk fl-akwati tal-Port u r-reġjun tat-Tramuntana.