“Il-Partit Nazzjonalista jrid jippersisti b’kawża vendikattiva maħsuba biex tfittex personalment lill-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku u membri oħrajn tal-Gvern għal €400 miljun. Dan biex mingħalih ibeżża’ u jwaqqaf ħidmet il-Gvern.”
Hekk iddikjara, fi stqarrija, il-Partit Laburista, b’reazzjoni għall-fatt li Bernard Grech u Adrian Delia appellaw minn sentenza, li nqatgħet kontrihom mill-Imħallef Toni Abela.
Fil-kawża, il-Partit Nazzjonalista ried li kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll Chris Fearne, fost oħrajn, jiġu mfittxijin personalment għad-danni b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Ta’ min ifakkar kif, fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Abela kkwota lill-Imħallef Emeritu Anthony Borg Barthet fejn qal kif, it-talbiet tal-Oppożizzjoni biex l-Avukat tal-Istat jintervjeni, jiksru d-demokrazija.
L-istqarrija tal-Partit Laburista kompliet tgħid kif, biex jilħaq l-għan tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid iżarma l-funzjoni tal-Avukat tal-Istat u għalhekk appella mis-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.
“Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista diġà tilef din il-kawża. Iżda donnu s-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, li l-Partit Nazzjonalista ddikjara fiduċja fiha, ma kinitx biżżejjed. Dan għax it-tmexxija tiegħu trid tkompli bl-attentat viljakk li jikkontrolla l-istituzzjonijiet, jekk mhux bl-attakki insensati, bil-manuvri fil-Qorti maħsubin biex inisslu l-biża’,” żied jgħid il-Partit Laburista.
Intqal il-Gvern għandu mandat ċar biex iwettaq il-programm tiegħu u l-ebda intimidazzjoni mill-Partit Nazzjonalista mhi se twaqqfu milli jagħmel is-sewwa.
Bħalma qed jagħmel is-sewwa b’rabta ma’ Steward, fejn mhux biss ħa l-passi, iżda bl-assistenza tal-istess Avukat tal-Istat u ditti lokali u internazzjonali qed ifittex lil Steward u jiddefendi l-interessi ta’ pajjiżna f’arbitraġġ internazzjonali, temm jgħid il-Partit Laburista.