Il-wirja annwali tal-biedja u s-snajja’ fil-gżira t’Għawdex waslet biex terġa’ tiġi organizzata, waqt li l-aħħar tħejjijiet għaddejjin bħalissa fil-ġonna ta’ Villa Rundle li jospitawha.
Magħrufa aħjar fost l-Għawdxin bħala l-Wirja Agrarja ta’ Santa Marija, minħabba l-fatt li dejjem issir qrib il-festa ta’ Santa Marija, nhar il-15 t’Awwissu, diversi persuni, Għawdxin, Maltin u anke turisti, jiġu attirati għal din l-esebizzjoni tal-għodda u l-biegħa li tiġi prodotta fil-gżira, il-bhejjem u anke s-snajja’ tradizzjonali.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, żar il-post u kkummenta fuq l-importanza ta’ din il-wirja, li qed tqarreb il-170 sena tagħha mindu saret l-ewwel darba.
Hu tenna li din il-wirja twassal għarfien akbar dwar il-prodotti friski u ġenwini tal-bdiewa u r-raħħala Għawdxin, waqt li wiegħed l-impenn tal-Ministeru biex jibqa’ jsostni din l-attività, li wkoll isservi bħala l-aqwa reklam għall-ġid li kapaċi toħloq l-art Għawdxija.
“Proprju tul issa l-jiem li baqa’ qegħdin nittrasformaw u narmaw dak kollu li għandu x’jaqsam proprju mal-wirja tradizzjonali li din is-sena tagħlaq il-mija, disgħa u sittin sena, il-Wirja ta’ Santa Marija. Wirja li hi assoċjata mhux biss mal-Festa ta’ Santa Marija, iżda wkoll hi wirja ta’ ċelebrazzjoni għal dak kollu li hu prodott lokali, prodott agrikolu, snajja’ u tradizzjonijiet li jiġu proprju ċċelebrati hawnhekk.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Kien fl-1855 meta twaqqfet is-Società Agricola e Industriale, bl-uffiċċju tagħha fi Strada Pietà, illum il-ġurnata magħrufa bħala Triq Monsinjur Giuseppe Farrugia.
F’dik l-istess sena kienet saret l-ewwel wirja fl-Iskola Primarja tal-Gvern fi Triq il-Vajringa, ir-Rabat.
Din is-sena l-wirja, li hi b’xejn, se ssir bejn nhar it-Tlieta, 13 t’Awwissu, sal-Ħamis, 15 t’Awwissu, fejn wara jiġu preżentati l-premjijiet għall-aħjar prodotti u l-isbaħ annimali.
Kitba ta’ Gabriel Portelli