Permezz ta’ investiment ta’ €1 miljun f’apparat u teknoloġija avvanzata, ġie mniedi servizz ġdid fil-qasam tal-kura tas-saħħa tal-Gvern bi SPECT-CT Scanning, li se jkun qed jikkumplimenta l-kullana ta’ servizzi speċjalizzati li d-Dipartiment tar-Radjoloġija joffri fl-Isptar Mater Dei.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, fejn spjega li din it-teknoloġija avvanzata se tgħin lill-ispeċjalisti biex jillokalizzaw kundizzjonijiet u mard b’aktar preċiżjoni u b’hekk tkun tista’ ssir djanjosi ċara u dettaljata favur kura f’waqtha.
Il-Ministru tenna li hu ppjanat li din it-teknoloġija tintuża f’diversi oqsma, fosthom fl-ortopedija, fl-endokrinoloġija, il-pulmonoloġija, il-kardjoloġija u anke fil-kura tal-kanċer.
“Dan is-servizz ħa joffri abilità aktar preċiża għall-pazjenti u l-ispeċjalisti li jieħdu ħsiebhom f’diversi oqsma tas-saħħa, inkluż il-mard tal-kanċer.”
Il-Ministru Jo Etenne Abela
Dr Andrew Mallia, consultant nuclear medicine physician, irrimarka l-importanza ta’ dan is-servizz innovattiv u l-benefiċċji li se jkunu qed igawdu minnu l-pazjenti.
“Din hi state-of-the-art gamma camera li se nibdew nużaw fid-Dipartiment tal-Medical Imaging f’Mater Dei. Ħa nużawha għall-pazjenti b’kundizzjonijiet differenti u tippermettilna nieħdu ritratti ta’ kwalità ħafna aħjar u f’inqas żmien, għalhekk id-diagnostic accuracy tagħna titjieb ħafna.”
Dr Andrew Mallia