L-inizjattiva Diċennju tal-Oċean tal-Ġnus Magħquda rrikonoxxiet uffiċjalment il-proġett Wrecklife ta’ Heritage Malta dwar l-għarfien tal-fdalijiet storiċi, li jeżistu fl-ibħra tagħna, u l-ambjent ta’ madwarhom.
Il-proġett, li hu mmexxi mit-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar ta’ Heritage Malta, jeżamina wkoll id-degradazzjoni tal-istess fdalijiet, il-mod kif l-aħjar jiġu ppriservati u l-impatti tagħhom fuq l-ekosistema marittima. Ma’ dan jistudja wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima.
Dan isir minn tim ta’ esperti, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-entità governattiva qed tagħti l-opportunità lill-pubbliku lokali u turisti li jżuruna biex jesploraw aħjar u b’mod aktar faċli s-sejbiet li saru fl-ibħra tagħna, fosthom opri tal-baħar antiki.
Dan illum jista’ jsir ukoll permezz tal-Mużew Virtwali ta’ Heritage Malta fuq is-sit underwatermalta.org u l-programm ‘Dive Into History 360’, li wkoll jintwera fl-iskejjel u ċentri tal-anzjani, fost l-oħrajn.
Dan jinkludi wkoll il-park arkeoloġiku ’l barra mill-Bajja tax-Xlendi, f’Għawdex, li kien inawgurat f’Awwissu tas-sena l-oħra.
Fi stqarrija, Heritage Malta saħqet li dan ir-rikonoxximent internazzjonali issa se jieħu l-ħidma tagħha f’livelli ġodda u interessanti.
Kitba ta’ Gabriel Portelli