Kolombjana ta’ 25 sena, li tgħix f’Tas-Sliema, tinsab fil-periklu tal-mewt wara li qalgħet daqqiet ta’ flixkun imkisser f’Paceville minn raġel, li għadu qed jiġi mfittex. Ir-raġel deskritt biss bħala Ażjatiku, kien b’żaqqu barra u liebes qalziet iswed.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ dalgħodu fuq il-blat viċin Triq il-Wilġa.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet biex tistabillixxi d-dinamika tal-każ, waqt li għaddejja bit-tfittxija għall-aggressur.
Jirriżulta li ż-żagħżugħa kienet qed tgħum ma’ persuna oħra u meta telgħet mill-baħar ġiet avviċinata mir-raġel li jingħad li ma kinitx taf u nqalgħet kommossjoni.
Kien f’dan il-mument li r-raġel allegatament xejjer flixkun imkisser fid-direzzjoni tagħha u kkawżalha ġrieħi f’partijiet ta’ ġisimha.
Fuq il-post mar tim mediku li ħa liż-żagħżugħa l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Il-Maġistrat tal-Għassa Philip Galea Farrugia ġie informat bil-każ u ħatar inkjesta.