Ilbieraħ filgħaxija, l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, fuq talba tal-Amministrazzjoni, iddeċieda li ssir Konferenza Ġenerali Straordinarja nhar il-Ġimgħa li ġej, 9 ta’ Awwissu, fis-sitta ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista u ntqal li din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja se ssir bil-għan li jiġu diskussa emendi fl-istatut tal-partit, fosthom il-possibilità li l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tkun tista’ tiġi kkontesta minn Membri Parlamentari.
Intqal l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista se jsiru bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru.
In-nominazzjonijiet għall-karigi kollha se jinfetħu mill-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu u jibqgħu miftuħin sal-25 ta’ Awwissu.
B’dawn l-elezzjonijiet jitmexxew mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista.
Din il-Konferenza Ġenerali se tagħlaq il-Ħadd 15 ta’ Settembru, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.