Matul l-ewwel kwart tal‑2024, l‑ekonomija Maltija kibret b’ritmu marġinalment aktar mgħaġġel meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel. Dan joħroġ minn rivista, li l-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika kull tliet xhur dwar l-iżviluppi ekonomiċi, b’din id-darba jħares lejn l-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu li għaddew.
Il-Bank Ċentrali jisħaq kif, meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni, l-esportazzjoni baqgħet il-kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku nazzjonali, anke jekk id-domanda domestika kellha impatt pożittiv ukoll.
L‑Indiċi tal‑Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan‑Negozju niżel bi ftit fl‑ewwel kwart ta’ din is-sena, iżda baqa’ ftit ’il fuq mill‑medja storika tiegħu.
Sadanittant, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea niżel marġiment taħt il-medja storika tiegħu.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Ir-rata tal-qgħad baqgħet qrib il-livell baxx storiku tagħha u ferm inqas mil-livell fiż-Żona Ewro, bil-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol jibqgħu stretti.
Il-Bank juri kif il-pressjonijiet fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-konsumatur komplew jittaffew matul l-ewwel tliet xhur tal-2024, bl‑inflazzjoni annwali, skont l‑Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, tinżel għal 2.7%, waqt li, mingħajr l‑enerġija, l‑ikel u t‑tabakk, tinżel għal 2.2% f’Marzu.
Filwaqt li l‑proporzjon tad‑defiċit tal-Gvern ġenerali, imqabbel mal‑Prodott Domestiku Gross, naqas meta mqabbel mar‑raba’ kwart tal‑2023, il‑proporzjon tad‑dejn żdied marġinalment, anke jekk xorta baqa’ ferm taħt il-medja Ewropea.
Il-ġid maħluq f’pajjiżna żdied b’mod sostnut fuq l-istess kwart sena qabel, differenti minn dak taż-Żona Ewro, li kiber biss marġinalment.
Skont il-Labour Force Survey, it-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ogħla mill-medja taż-Żona Ewro, fl-istess ħin li r-rata tal-qgħad baqgħet iżjed baxxa.