Meta kumpaniji tat-tqassim tal-ikel u tas-sewwieqa tat-taxis jgħidu li għandhom ‘high turnover’ ta’ ħaddiema, dan juri li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ħżiena u li l-ħaddiema jkollhom jitilqu biex isibu xogħol aħjar u aktar dinjituż.
Dan intqal fi stqarrija mill-General Workers’ Union, fejn intwera qbil għall-fatt li m’għandhomx jinġiebu ħaddiema minn pajjiżi terzi li ma jkunx hawn il-ħtieġa għalihom, għax jispiċċaw abbużati.
Għaldaqstant l-unjin qablet mad-deċiżjoni tal-Gvern Malti, li ma japprovax aktar applikazzjonijiet għal permessi ġodda u ma tarax li din għandha taffettwa l-ħidma ta’ dawn il-kumpaniji fil-preżent, kif qed ikun indikat.
Hi kienet qed tirreaġixxi għal stqarrija maħruġa aktar qabel mill-kumpanija Bolt, li qalet li għolliet il-prezzijiet u żiedet il-ħinijiet ta’ stennija għall-klijenti minħabba n-nuqqas ta’ xufieri.
Intqal li l-ġimgħa l-oħra, il-prezzijiet kienu madwar 10% aktar mis-soltu meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Ġie spjegat li dan hu riżultat ta’ nuqqas ta’ ħaddiema, li, skontha, naqsu b’19% fl-aħħar jiem.
Il-kumpanija qalet li n-nuqqas ta’ ħaddiema hu minħabba l-fatt li bdew jiġu rrifjutati u saħansitra mhux imġeddin l-applikazzjonijiet għall-permessi tax-xogħol tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi, ġejjin minn pajjjiżi li mhumiex mill-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, ġie kkwotat jgħid li meta dawn il-ħaddiema tat-taxis u l-food couriers qed jitkellmu mal-GWU qed jgħidulhom li mhumiex kuntenti bil-kundizzjonijiet tax-xogħol preżenti.
Ftit tal-ġranet ilu, f’laqgħa li kellha ma’ numru ta’ ħaddiema tal-Bolt, il-GWU talbet li jkun hemm aktar viġilanza u inforzar fuq min kien għadu qed jabbuża minn tali impjegati.