In-numru tat-telefown 138 hu servizz ġdid b’helpline, li bdiet topera mit-Tnejn li għadda. Is-servizz offrut 24 siegħa kuljum, iwieġeb għal dak kollu relatat mal-ħidma tal-entitajiet governattivi, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, u l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, li spjega li din hi waħda mill-ħames rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-inkjesta dwar il-mewt traġika f’sit ta’ kostruzzjoni taż-żagħżugħ ta’ għoxrin sena, Jean Paul Sofia.
Ġie spjegat li n-numru fih innifsu wkoll għandu sinifikat partikolari, hekk kif jissimbolizza d-data tat-twelid taż-żagħżugħ, li twieled nhar it-13 t’Awwissu.
Dr Attard sostna li dan is-servizz ġdid hu parti mill-impenn favur standards aqwa fis-settur tal-kostruzzjoni, iżda mhux biss.
Il-Ministru Attard spjega li sar taħriġ speċjalizzat għall-aġenti li se jieħdu t-telefonati fuq il-helpline, waqt li jibqgħu jiġu mħarrġin biex ikompli jittejjeb is-servizz u jkunu jafu kif l-aħjar iwieġbu għas-sejħiet li jidħlu.
“Dan hu mezz effettiv u aktar effiċjenti għall-pubbliku inġenerali biex ikun jista’ jwassal il-preokkupazzjonijiet, it-tħassib tiegħu, direttament, 24 siegħa kuljum u jassigura wkoll li nużawh bħala pjattaforma għal servizzi oħrajn li, fiż-żmien li ġej, se nkunu qed inniedu biex nassiguraw li terzi, dawk in-nies li huma affettwati mis-settur tal-kostruzzjoni, ikollhom vuċi aktar b’saħħitha, imma wkoll nassiguraw li ħaddiema tagħna jkollhom postijiet tax-xogħol li huma siguri.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar sostniet li din il-helpline se toffri għajnuna varja, li tkopri servizzi dwar leġiżlazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u anke ta’ sigurtà, waqt li jistgħu jsiru rapporti dwar allegati ksur tar-regolamenti.
“Din il-helpline hi l-leħen, mhux biss, għal min iħaddem il-ħaddiema, anke għaċ-ċittadini kollha bħala responsabilità biex jirrapportaw il-każijiet fejn ikollhom preokkupazzjoni. Aħna bħala OHSA, ovvjament irridu nipproteġu l-ħaddiema kollha f’Malta, li jammontaw għal 360,000 ħaddiema, f’setturi differenti, inkluż il-kostruzzjoni.”
Josianne Cutajar – Kap Eżekuttiv, OHSA
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, qal li, permezz ta’ din il-helpline, wieħed jista’ jkun jaf id-drittijiet tiegħu aħjar.
“Il-helpline se tkun ta’ għajnuna għall-poplu inġenerali biex ovvjament is-settur tal-kostruzzjoni jimxi ’l quddiem u, flimkien, nibqgħu nirranġaw l-affarijiet u nimxu, bħala BCA u entitajiet oħrajn, biex nieħdu l-feedback biex il-poplu jinqeda aħjar.”
Roderick Bonnici – Aġent Kap Eżekuttiv, BCA
Dwar dan is-servizz tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, Massimo Vella.
“L-iskop hu li ntejbu l-kuntatt mal-pubbliku, jiġifieri aħna nkunu punt ta’ kuntatt. Ħa nużaw l-esperjenza kollha li għandna. Ovvjament dan proċess li se jtejjeb, jiġifieri mill-feedback li se jkollna mill-monitoraġġ tajjeb li nagħmlu, kif semmejna fil-preżentazzjoni hemm it-teknoloġija tal-case management solution, ħa nkunu qed naraw il-każjiet li jidħlu u dejjem intejbu, skont il-feedback li nirċievu.”
Massimo Vella – Kap Eżekuttiv, Servizz.Gov