Id-deċiżjonijiet mill-Gvern jittieħdu fl-aqwa interess tal-pajjiż, skont il-prijoritajiet tan-nies u dak li jirrikjedi s-suq.
Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela kien qed jitkellem dwar il-ħaddiema barranin, waqt intervista li kellu mal-ġurnalist Tim Diacono u li ġiet imxandra fuq Lovin Malta, il-Ħadd.
Dr Abela rrimarka wkoll kif l-istess deċiżjonijiet għandhom jipproteġu Maltin li jaħdmu f’dawn l-oqsma.
“Hemm Maltin li nvestew fil-vetturi yplates u t-taħdidiet tagħna magħhom kienu illi raw il-qligħ tagħhom diċenti jonqsilhom b’mod esaġerat u jiena rrid ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin ikollhom għajxien diċenti.”
Il-Prim Ministru qal li l-pajjiż għandu l-libertà u s-setgħa li jiddetermina l-ħtiġijiet tiegħu, anki kif joħroġ mill-istudju xjentifiku li jsiru mill-aġenziji Identità u JobsPlus.
F’din l-intervista, Dr Abela tkellem dwar is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna, fejn tenna li se jkomplu jintensifikaw ix-xogħlijiet matul din is-sena biex din tibqa’ tiġi aġġornata u mtejba għall-ħtiġijiet tal-lum.
Il-maġġoranza tal-poplu ibbenefikat mix-xogħlijiet li għamilna s-sena li għaddiet. Ma jfissirx li ma kellekx nies li ġew impattati u ma’ dawk niskuża ruħi illi aħna fix-xhur li bihom telqu x-xogħlijiet minn Novembru li għadda ma lħaqniex għamilna x-xogħlijiet kollha, sinċerament niskuża ruħi magħhom però li nwegħdhom huwa li fit-tieni fażi tax-xogħlijiet se nkomplu nintensifikaw ir-ritmu biex dak it-82 kilometru li saru s-sena li għaddiet nibqgħu naħdmu u dis-sena wkoll aktar kmieni nibqgħu nintensifikaw ħa jibqgħu isiru aktar.”
F’din l-intervista, il-Prim Ministru rrijaferma wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji billi jkompli jissussidja l-prezzijiet tad-dawl u l-fuel fiż-żmien li ġej.
Dwar il-proġett tal-waste-to-energy, Dr Abela spjega li kien hemm proċess kompetittiv u l-konsorzju li ntgħażel kien €200 miljun orħos mill-klijent tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
“Il-kwistjoni tal-waste-to-energy il-Qorti tal-Appell qalet illi l-kompożizzjoni tal-kumitat tal-għażla uħud minnhom u tal-PCRB, li ilu kostitwit issa snin jiġifieri taħt l-amministrazzjoni tiegħi, qalet illi għax kellek inti pereżempju chair, wieħed mill-membri illi huma joqogħdu wkoll f’bordijiet oħra tal-Gvern ma setgħux ikunu fil-PCRB jiġifieri imkien ma daħlet fuq l-aspett. Anzi x’tgħid tgħid illi l-imġieba u l-irrid nenfasizza fuqha tal-membri tal-kumitat tal-għażla u tal-PCRB qiegħda id f’id mar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja dak li qalet u li jien kburi huwa illi f’kull proċess kompetittiv li kien hemm taħt dan il-Gvern qatt ma kellna kwistjonijiet ta’ skandli.”
Hekk kif bħalissa għaddejjin l-Olimpjadi f’Pariġi, il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar dan ukoll u wieġeb hekk.
TIM DIACONO: “Taħseb li se jasal iż-żmien xi darba li Malta mhux biss tikkompeti fl-Olympics imma li tirbaħ midalja?”
ROBERT ABELA: “Nittama u għalhekk għamilna investiment bla precedent fl-isports f’pajjiżna jiġifieri ħadt pjaċir ħafna li f’Pariġi żort il-kontinġent relattivament żgħir vera li kellna, peró t’atleti li huma mħarrġin ħafna ta’ żgħażagħ li verament kellu sens ta’ ammirazzjoni kbira lejn id-dedikazzjoni u l-professjonaliżmu tagħhom.”