Żewġ nisa ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku iktar kmieni llum.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, fi Triq is-Salina, Naxxar.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li mara ta’ 59 sena residenti San Pawl il-Baħar ġarrbet xi ġrieħi meta seħħ impatt bejn il-mutur li kienet qed issuq tal-għamla Symphony SR u mutur Honda li kien misjuq minn raġel ta’ 50 sena residenti l-Mosta.
Mal-mara kien hemm riekeb raġel ta’ 83 sena residenti n-Naxxar.
It-tieni inċident ġara għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, fi Triq Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ.
Mill-istħarriġ li sar jidher li mara ta’ 24 sena li toqgħod Ħaż-Żebbuġ, tilfet il-kontroll tas-Suzuki Swift li kienet qiegħda ssuq bil-konsegwenza li ħabtet ma’ ħajt fl-istess triq.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u n-nisa ttieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.