Illejla għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, żagħżugħ Sirjan ta’ 23 sena se jitressaq il-Qorti, wara li ġie arrestat f’operazzjoni. Dan hekk kif allegatament kien qed ixxerred materjal estremista fuq l-internet.
Stqarrija mill-Pulizija qalet li s-Sirjan ġie arrestat ilbieraħ kmieni filgħodu, f’operazzjoni fil-Marsa, f’ħidma koordinata bejn diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija. Dan wara jiem ta’ sorveljenza.
Malli nduna bil-preżenza tal-Pulizija, huwa tela’ fuq il-bejt u qabeż madwar żewġ sulari sabiex jaħrab, madankollu huwa kien arrestat mill-ewwel.
Ir-raġel inżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana u se jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco.
Sadanittant, fl-istess operazzjoni, il-Pulizija għamlet tfittxija b’rabta mal-immigrazzjoni rregolari u rriżulta li disa’ rġiel oħra kienu qegħdin jgħix f’Malta b’mod irregolari.
L-irġiel ta’ nazzjonalità Sirjana ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni, u se jkunu ritornati fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew fil-pajjiż li għandhom permess jgħixu fih.