L-aġenzija Identità mill-ġdid tenniet kif tieħu bis-serjetà kwalunkwe allegazzjoni, dubju jew rapport li jasal għall-attenzjoni tagħha u dan speċjalment fid-dawl ta’ rapporti li ħarġu f’midja lokali.
Fi stqarrija, l-aġenzija fakkret x’kienet qalet ix-xahar li għadda, b’rabta ma’ allegazzjonijiet minn Net News li kienu nħarġu eluf ta’ karti tal-identità lil barranin li kienu f’pajjiżna b’mod irregolari. Għamlitha ċara wkoll li l-karti tal-identità jinħarġu biss lil persuni li għandhom nazzjonalità Maltija.
Minbarra hekk, irreaġixxiet b’rabta wkoll ma’ dikjarazzjoni li għamel l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li wkoll talab għal inkjesta maġisterjali dwar l-istess suġġett.
Identità, mhux biss pjegat kif saħħet l-istrutturi ta’ diliġenza u konformità tagħha, iżda, kull meta jsiru allegazzjonijiet mill-aktar serji, tikkopera b’mod sħiħ ma’ kwalunkwe investigazzjoni, kif qed isir attwalment mal-Korp tal-Pulizija.
Qalet li, kif għamlet fl-imgħoddi, tibqa’ kommessa li tagħmel il-verifiki u l-investigazzjonijiet neċessarji skont kif tippermettilha l-liġi.
Fil-fatt, l-aġenzija fakkret li, wara investigazzjoni interna mit-Taqsima tal-Compliance u l-Expatriates Unit, għaddiet informazzjoni, inkluż il-provi kollha misjuba dwar xi individwi, lill-Korp tal-Pulizija biex tkompli bl-investigazzjonijiet u tieħu kwalunkwe azzjoni neċessarja skont il-liġi.
Sostniet bl-aktar mod skjett li ma tittollera l-ebda forma ta’ abbuż, isir minn min isir, u rriaffermat li tilqa’ kull investigazzjoni neċessarja u se tkompli tikkopera mal-Pulizija bil-għan li ma jittebbax isem l-aġenzija.