L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech qed tipprova tkun populista biex mingħaliha tiskjura punti politiċi minn fuq dahar il-ħaddiema tal-Enemalta.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-qtugħ tad-dawl f’Bulebel.
Il-Partit Laburista nnota li ma jsemmix il-Partit Nazzjonalista hu li, waqt li kienet għaddejja bit-tiswijiet neċessarji, l-Enemalta tat sorsi alternattivi ta’ provvista lill-fabbriki u żammet kuntatt kontinwu magħhom biex toffri kull għajnuna.
Ġie nnotat li meta l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq inkompetenza jrid jiftakar fil-lista ta’ disa’ punti li ppreżenta għas-settur tal-enerġija u li issa bħal donnu qed jistħi jsemmi.
B’dan il-pjan jagħti tliet garanziji ċerti:
- Garanzija ta’ kontijiet ogħla – bil-wegħda tal-liberaliżazzjoni
- Garanzija ta’ qtugħ ta’ dawl għal 44 siegħa fis-sena – bil-wegħda ta’ 99.5% disponibbiltà tal-provista tal-elettriku
- Ħadd ma jieħu kumpens jekk jagħmel anqas minn tnax-il siegħa straight bla dawl
Il-Partit Laburista fakkar li meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern ħalla ekonomija staġnata u ma sar l-ebda investiment fil-qasam tal-enerġija, settur li trid taħseb għalih fit-tul.
Bil-maqlub, il-Partit Laburista fil-Gvern diġà investa biljun ewro fis-settur tal-enerġija u se jkompli jinvesti: biex issaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni, waqt li jiddiversifika s-settur ta’ ġenerazzjoni u biex, fit-tul, naraw proġetti ambizzjużi fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem biex tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ pajjiżna għal preżent u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur, bħalma se jkompli jaħdem biex jassigura l-kompettività tal-kumpaniji.