Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, aktar minn erba’ miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-kumpanija, li tmexxi l-mitjar Malti, fejn intqal li kien hemm żieda ta’ aktar minn sitt mija u tletin elf passiġġier meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan meta, bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra, l-Ajruport irreġistra l-moviment ta’ aktar minn tliet miljuni u erba’ mitt elf passiġġier.
L-akbar suq f’dan il-perjodu kien dak Taljan, li kien jgħodd għal aktar minn disa’ mija u għoxrin elf. Isegwi dak tar-Renju Unit, minn fejn ġew irreġistrati aktar minn tmin mitt elf passiġġier u wara jiġu s-swieq tal-Ġermanja, Franza u l-Polonja.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-aktar ajruporti li fihom marru jew ġew minnhom passiġġieri kienu dawk ta’ Gatwick, Fiumicino f’Ruma, Katanja, Manchester u Munich, waqt li l-aktar linja tal-ajru konnessa mal-Ajurport Malti kienet ir-Ryanair u warajha ssegwi l-linja nazzjonali tal-ajru, il-KM Malta Airlines.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg, sostna li dawn huma riżultati eċċellenti għall-ajruport u spjega li l-linji tal-ajru qed iġibu ajruplani akbar lejn pajjiżna minħabba d-domanda b’saħħitha li teżisti u li rdoppjat fuq għaxar snin ilu.
“Ħabbarna l-ewwel sitt xhur, rajna aktar minn erba’ miljun passiġġier. Jien ili l-Airport biżżejjed biex niftakar li, fl-2013, ilħaqna l-erba’ miljun passiġġier fis-sena sħiħa, jiġifieri t-tkabbir hu wieħed sostanzjali. Kuntent li qed naraw swieq bħal tal-Ingilterra laħaq figuri ta’ qabel il-pandemija, kien suq li kien diffiċli li nerġgħu nkabbru. Kuntenti ħafna li qegħdin nerġgħu naraw it-tkabbir fl-ewwel tliet xhur tas-sena hu ħafna aktar mgħaġġel milli fit-tieni kwart tas-sena. Jiġifieri overall, kuntenti ħafna, li nilħqu t-tmin miljun passiġġier hi mira li nistgħu nilħqu u jekk il-Bambin irid ngħadduha wkoll.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg
Sadanittant, minbarra dan ir-riżultat, il-kumpanija wkoll ħabbret li, fl-istess perjodu, għamlet profitt ta’ tnejn u għoxrin miljun ewro, waqt li għaddejja bl-investiment biex timmodernizza u tkabbar l-Ajruport.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, Carlo Micallef, li qal li dawn ir-riżultati tajbin u n-numri huma akbar mill-miri li kellhom fil-bidu tas-sena.
Ġie spjegat ukoll kif il-mitjar Malti għaddej b’ħidma biex inaqqas it-tniġġis tiegħu, bil-mira tkun li, sal-2030, jonqos b’65%, wara li s-sena l-oħra kienu tnaqqsu b’31%.
L-għan aħħari hu li l-Ajruport ma jipproduċi l-ebda tniġġis sal-2050.