Hekk kif qegħdin fil-bidu tax-xahar ta’ Awwissu u xahar u nofs bogħod mit-tmiem tas-sajf, aktar fkieren komplew jitilgħu fuq il-bajjiet Maltin u Għawdxin.
Dan hekk kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, irreġistrat is-seba’ bejta f’pajjiżna, li jagħmlu rekord nazzjonali mindu bdiet tinġabar din l-informazzjoni.
L-awtorità qalet li, kmieni l-Ġimgħa għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, fir-Ramla tal-Mixquqa, f’Għajn Tuffieħa, ġiet innotata fekruna oħra li telgħet tbid. Irriżulta wkoll, mid-dejta miġbura permezz ta’ ċippa mqabbda magħha, li l-istess fekruna kienet diġà bejtet darb’oħra din is-sena. Xi ħaġa li aktarx ukoll kienet qed tiġi rreġistrata għall-ewwel darba, almenu fl-istess sena.
Voluntieri mill-għaqda mhux governattiva Nature Trust marru fuq il-post biex iż-żona madwar il-bejta tiġi protetta u magħluqa għall-pubbliku, waqt li, bħal f’kull każ, uffiċjali tagħha u anke mill-ERA jassiguraw li l-bajd ifaqqas b’suċċess.
L-ERA u n-Nature Trust qalu li hu pożittiv li, din is-sena, il-bajjiet Maltin qed ikunu ta’ kenn fi staġun ferm attiv għal din l-ispeċi protetta.
Il-President ta’ Nature Trust, Vincent Attard, spjega kif din is-sena l-baħar saħan aktar malajr u allura l-fkieren telgħu fuq l-art biex ibidu, waqt li, imbagħad, kif il-bajd ifaqqas fuq tlett ijiem, il-frieħ joħorġu mill-bejta mal-lejl jew mas-sebħ biex immorru lura fil-baħar, għan-natura tagħhom.
Mill-ġdid, il-pubbliku ġie mħeġġeġ jirrapporta jekk jinnota xi fekruna tbid il-bajd, waqt li jżommu d-distanza u ma jagħmlux storbju żejjed. Tali rapporti għandhom isiru lill-ERA fuq in-numru 2292 3500.