Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ir-REWS, irċieva aktar minn 65 offerta fl-aħħar sena u nofs għal investimenti fi proġetti medji jew kbar ta’ enerġija rinnovabbli, b’kapaċità totali li taqbeż is-97,700 kilowatt. Tali ammont hu biżżejjed biex jipprovdi l-elettriku lil madwar 35,600 dar, waqt li jitnaqqas it-tniġġis tas-CO2 b’60,000 tunellata.
Waqt li nnotat l-interess pubbliku f’sistemi simili ta’ enerġija nadifa mill-2023 lil hawn, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, enfasizzat l-impenn tal-Gvern f’dan ir-rigward, bil-għan prinċipali jkun li, sa ħames snin u nofs oħra, jiġu ġġenerati mal-25% tal-enerġija nazzjonali minn sorsi rinnovabbli.
“Qegħdin inkunu aktar ambizzjużi anke fejn jidħol l-ammont ta’ enerġija rinnovabbli li jrid ikollna bħala pajjiż, anke għax qegħdin naraw l-interess fis-settur kummerċjali fejn jidħlu proġetti ta’ ċertu kobor. Peró anke interess mill-familji fid-djar residenzjali. Fil-fatt, il-baġit li kellna allokat matul is-sena kollha ttieħed sa Ġunju ta’ din is-sena, u b’hekk dan il-Gvern qed jirdoppja l-investiment biex aktar familji u djar residenzjali jkunu jistfħu japplikaw għal pannelli tax-xemx filmkien ma’ ħażna tal-batteriji fid-djar tagħhom”.
Ir-REWS, fil-fatt, ħabbar li se joħroġ erba’ sejħiet ġodda għal proposti ta’ proġetti fl-enerġija rinnovabbli.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur, l-Inġinier Marjohn Abela, esprima s-sodisfazzjon għar-rispons pożittiv mir-residenti u qal li s-suċċess ta’ inizjattivi li jappoġġjaw l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u batteriji fid-djar residenzjali wassal għal żieda fil-baġit minn €5 miljun għal kważi €10 miljun.
“Dawn tista’ tgħid li ġew milqugħin tajjeb mill-poplu Malti u Għawdxi. L-iskema tal-pannelli u l-batteriji fejn kien hemm konkorrenza sabiħa ħafna, semmejna wkoll l-iskemi tal-ITBs għal skemi akbar dawk li insejħulhom solar farms”.
Jirriżulta li, fl-2023, ir-REWS irċieva 351 applikazzjoni għal batteriji, waqt li, sa nofs Lulju li għadda, diġà rċieva 1,178.
Abela afferma l-impenn tar-REWS li tkompli tiffaċilita t-tranżizzjoni ta’ Malta għal ambjent aktar nadif.