Khalid Sheik Mohammed, Walid Muhammad Salih Mubarak Bin Attash u Mustafa Ahmed Adam al-Hawsawi, it-tliet persuni akkużati bl-attakk fuq it-Twin Towers nhar il-ħdax ta’ Settembru tal-2001 daħlu fi ftehim mal-prosekuzzjoni.
It-tliet imputati ilhom is-snin miżmuma fil-bażi navali Amerikana f’Kuba ta’ Guantanamo Bay, iżda l-każ għadu mhuwiex deċiż.
Għalkemm id-dettalji tal-ftehim għadhom ma tħabbrux b’mod uffiċjali, qiegħed ikun irrapportat kif aktarx l-imputati mistennija li jwieġbu ħatja tal-akkużi biex il-prosekuzzjoni ma tfittix li tmur għal piena kapitali.
L-attakki tal-ħdax ta’ Settembru kienu ħasdu madwar tliet elef ħajja u għadhom ferità għall-poplu Amerikan tant li din l-aħbar ġabet il-kundanna ta’ numru ta’ persuni influwenti li qegħdin iħossu li b’dan il-ftehim mhux se tkun qed issir ġustizzja sħiħa.