Sal-lum, waqt li f’Malta fl-ewwel grad hemm kawżi li jinstemgħu minn Maġistrati u minn Imħallfin, f’Għawdex il-kawżi jinstemgħu kollha minn Maġistrati. Din issa se tinbidel u l-kawżi fl-ewwel grad se jinstemgħu minn Maġistrati u Mħallfin, eżatt bħal Malta.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li Għawdxi m’għandu xejn inqas minn Malti u għalhekk din id-distinzjoni se titneħħa.
Dan il-Gvern kien diga’ ħa miżura oħra favur Għawdex meta kien ġab flimkien iż-żewġ reġistri tal-Qorti ta’ Malta u l-Qorti t’Għawdex. Qabel, jekk Malti kellu kawża Għawdex u viċi versa, dak li jkun ried joqgħod fiżikament jaqbad il-vapur u jaqsam għall-gżira l-oħra biex jippreżenta atti f’kawża. Illum b’emendi li saru tliet snin ilu, kwalunkwe persuna tista’ tippreżenta att fi kwalunkwe reġistru, indipendentement minn jekk il-kawża hijiex qed tinstema’ Malta jew Għawdex.
B’kollox 2,701 att ġew ippreżentati f Malta għal kawża f’ Ghawdex u nofs dan l-ammont viċe versa. Qabel dawn kien ikollhom l-iskariġġ li huma jew il-prokuratur legali tagħhom fiżikament jaqsmu bejn il-gżejjer.