Tnediet il-ħdax-il edizzjoni tal-Gozo Ceramics Festival, li se jsir fil-Bajja tax-Xlendi s-Sibt li ġej.
Id-dettalji ta’ dan il-festival, li jattira diversi persuni, tħabbru mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, fl-inawgurazzjoni ta’ wirja taċ-ċeramika fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella bħala parti minn dan l-istess festival.
Fil-wirja, li se tibqa’ miftuħa sa nhar it-Tlieta 27 ta’ Awwissu, qed jiġu esebiti mat-30 biċċa xogħol taċ-ċeramika.
L-organizzatriċi tal-festival, Joan Haber, spjegat kif din is-sena qed tingħata importanza lill-integrazzjoni soċjali, hekk kif fost il-parteċipanti se jkun hemm ukoll persuni b’diżabilità.
“Għandna żewġ istituzzjonijiet, bħall-Caritas Youths u Santa Martha Resource Center. Hemm nies li huma avvanzati fl-età kif ukoll tfal. F’din l-wrija għandna tifla ta’ 14-il sena fejn rebħet is-Sovereign Art Competiton bil-biċċa xogħol li qiegħed turi hawnhekk.”
Haber kompliet li l-festival Gozo Ceramics Festival, li qed isir b’kollaborazzjoni bejn id-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru u l-Kunsill Lokali tal-Munxar, se jara s-sehem ta’ madwar 40 ċeramista lokali u internazzjonali.
Dawn mhux biss se jkunu qed jesponu x-xogħlijiet artistiċi tagħhom, iżda wkoll jitkellmu dwar il-ħidma u l-passjoni f’dan ir-rigward. Se jkun hemm ukoll spazju għaż-żgħar biex huma wkoll ikunu jistgħu jaħdmu u jesperimentaw bit-tafal.
Min-naħa l-oħra, il-Ministru Camilleri stqarr li se jkun hemm mużika live minn bands lokali u l-fjakkolata tradizzjonali fix-Xlendi. Dan kollu juri l-impenn u d-determinazzzjoni f’dan il-festival, li llum ukoll sar waħda mill-attrazzjoni ewlenin fil-gżira matul is-sajf.
Qed jiġi offrut servizz ta’ park and ride biex ikun aktar faċli għal min jixtieq jattendi l-festival.