Il-Bank Ċentrali ta’ Malta tenna li, f’Ġunju li għadda, ġiet irreġistrata żieda fis-sentiment ekonomiku f’pajjiżna. Skont l-Aġġornament Ekonomiku ppubblikat minnu fl-aħħar jiem, il-Bank Ċentrali rreġistra sentiment ekonomiku fil-livell ta’ aktar minn sebgħa u disgħin fil-mija, meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Il-Bank Ċentrali qal li kien hemm żieda wkoll fl-indikatur tal-aspettattivi tal-impjiegi, waqt li, f’Ġunju, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur niżlet għal 2.2%, li hi viċin il-mira ta’ tnejn fil-mija tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Sa mill-bidu ta’ din is-sena, kien imbassar li r-rata tal-inflazzjoni f’Malta kellha tinżel għal tnejn fil-mija fl-aħħar tas-sena d-dieħla.
Fir-rapport tiegħu, il-Bank Ċentrali nnota li, meta wieħed jaqta’ l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, l-inflazzjoni hi aktar baxxa u tinsab taħt il-medja tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro.