Din il-ġimgħa l-ewwel pazjenti fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bdew jirċievu trattament bit-teknoloġija tal-MR Linac, wara investiment ta’ aktar minn wieħed u għoxrin miljun ewro fuq dan l-apparat tal-ogħla livell.
Din it-teknoloġija kapaċi twassal radjoterapija direttament fl-organu marid bil-kanċer, fejn bi preċiżjoni millimetrika tamministra raġġi u tillimita l-ħsara lil organi oħrajn fil-ġisem.
Ġie spjegat li, mit-Tnejn li għadda, tliet pazjenti, li jbatu bil-kanċer tal-prostata, irċevew dan it-trattament b’suċċess.
Il-kanċer tal-prostata hi marda relattivament komuni f’pajjiżna u l-Ministeru għas-Saħħa ħeġġeġ lill-irġiel kollha li jekk jinnotaw xi problemi relatati mas-sistema urinarja, għandhom jirrikorru għal parir mediku minnufih.
Il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, qal li l-ħsieb hu li jsir użu wkoll ta’ din it-teknoloġija f’tipi oħrajn ta’ tumuri.