Pajjiżna hu l-ewwel wieħed li ttraspona d-Direttiva Anti-SLAPP tal-Unjoni Ewropea, li trażżan il-possibbiltà li jinfetħu numru ta’ kawżi legali varji fuq l-istess suġġett fil-konfront ta’ xi ħadd, inkluż kumpaniji jew kmamar tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti individwali, bil-għan li jitolbu għal spejjeż kbar biex isikktu rapporti fil-midja, fost l-oħrajn.
Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Ġustizzja l-Erbgħa waranofsinhar, waqt li l-Prim Ministru Robert Abela wkoll irreaġixxa dwar dan il-pass pożittiv.
Fil-fatt, din l-ordni l-ġdida se tkun qed tintroduċi diversi rimedji u salvagwardji u tapplika għal kwistjonijiet kemm ta’ natura ċivili kif ukoll kummerċjali b’implikazzjonijiet transkonfinali fil-każ ta’ proċeduri ċivili.
Is-salvagwardji u rimedji prinċipali jinkludu garanzija għall-ispejjeż stmati tal-proċeduri u ċaħda bikrija tal-każ jekk il-Qorti tkun konvinta li t-talba hi manifestament infondata.
F’każi fejn il-Qorti tiddikjara li proċeduri qed jintużaw b’mod abbużiv kontra l-parteċipazzjoni pubblika, din għandha tgħaddi biex tikkundanna lill-attur iħallas lill-konvenut l-ispejjeż legali kollha tal-kawża, waqt li tista’ wkoll timponi penali ̇fuq l-attur f’ammont li m’għandux jaqbeż l-għaxart elef ewro.
L-ordni tistabbilixxi wkoll li kwalunkwe persuna, li tiġi ffaċċjata bi proċeduri simili, din għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna legali.
B’reazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela nnota dan il-pass pożittiv u qal kif pajjiżna qed iwettaq kontribut attiv favur din id-direttiva, filwaqt li, bħala Gvern, jinsab kommess li jipproteġi lill-ġurnalisti u jixpruna bidla pożittiva.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, saħaq li din id-direttiva waslet wara numru ta’ diskussjonijiet fuq livell Ewropew fejn il-Gvern Malti kien attiv bil-kontribut f’diversi laqgħat, inkluż fil-Kunsill tal-Ministri.
Attard tenna li, konsistentement, il-Gvern appella biex din id-direttiva tkun waħda ambizzjuża u li tibqa’ leali lejn il-proposta tal-Kummissjoni u li ma tiddgħajjifx fil-proċess tal-istess negozjati.