Kamra tal-Kummerċ qablet li ħaddiema barranin li mhumiex minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u allura meqjusin minn pajjiżi terzi, għandhom jitħallew jaħdmu f’pajjiżna biss f’setturi fejn hu meħtieġ.
Fi stqarrija, hi nnotat kif ħafna setturi ewlenin fil-pajjiż huma dipendenti fuq dawn il-ħaddiema barranin minħabba n-nuqqas ta’ Maltin jew minn pajjiżi Ewropej disponibbli għalihom.
F’dan ir-rigward, il-Gvern diġà ħa miżuri bla preċedent biex jikkontrolla l-importazzjoni ta’ ħaddiema simili fejn mhemmx bżonn, inkluż bir-regolarizzazzjoni tal-aġenziji tax-xogħol magħrufin bħala temping agencies.
Fl-istess ħin, il-Kamra tal-Kummerċ ikkundannat lil dawk in-negozji li jabbużaw minn dawn il-ħaddiema, bi prattiċi li mhux biss jiksru d-drittijiet tal-ħaddiema, iżda wkoll joħolqu kompetizzjoni inġusta ma’ negozji oħrajn li jimxu mal-liġi u l-istandards regolari.
Hi ħeġġet lill-entitajiet governattivi, bħal JobsPlus, Identità u d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, id-DIER, biex jidentifikaw u jindirizzaw dawn l-abbużi.
B’rabta mad-dikjarazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ, irreaġixxa, b’kitba fuq Facebook, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, fejn qal li għandu jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa dwar dan, fosthom fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
Ellul qal li se jistieden lill-Kamra tal-Kummerċ biex, fil-laqgħa li jmiss tal-MCESD, tiġi diskussa, fost l-oħrajn, il-kunċett ta’ sħubija mandatorja tal-ħaddiema f’unjins tal-għażla tagħhom, kif propost ukoll fil-manifest elettorali tal-Gvern.