Il-kumpanija ta’ konsulenza fuq il-viżas u r-rilokazzjoni, Global Citizen Solutions, li hi bbażata fl-Istati Uniti tal-Amerka, qalet li Malta hi fost l-aħjar pajjiżi għal dawk li qed ifittxu li jirrilokaw fl-Ewropa, kemm minħabba s-servizzi offruti, inkluż bl-aħjar kura tas-saħħa u attrazzjonijiet turistiċi.
Mill-Ewropa kollha, Spanja u l-Portugall biss ingħataw preferenza iżjed minn pajjiżna fir-rakkomandazzjoni tal-kumpanija barranija.
Minkejja li hi l-iżgħar stat fl-Ewropa, b’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn nofs miljun persuna, il-kumpanija tenniet li Malta għandha konċentrazzjoni qawwija ta’ bajjiet pittoreski u lokalitajiet storiċi, li jkomplu jżejnuha fi stil tipiku Mediterranju.
Dwar dan, anke rapport separat minn The Express fir-Renju Unit, iddeskriva l-belt antika u siekta tal-Imdina fl-istess livell ta’ bliet kbar bħal Ruma u Dubrovink, bil-karatteristiċi tagħha li jikumplimentaw id-delikatezza fl-arkitettura u l-istorja unika.
Sadanittant Global Citizen Solutions stqarret li Malta tgawdi minn sistema tas-saħħa veru b’saħħita, stabilità politika, temp ideali s-sena kollha, maġġoranza kbira li titkellem bl-Ingliż u sigurtà aħjar minn dik Amerikana.
Global Citizen Solutions irrakkomandat lill-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar u l-belt Victoria f’Għawdex, bħala l-aħjar postijiet fejn pensjonanti Amerikani jistgħu wkoll jirrilokaw f’pajjiżna biex iqattgħu ż-żmien pensjonabbli tagħhom.