Raġel ta’ 35 sena u li jaħdem fil-kostruzzjoni, baqa’ jinżamm arrestat wara li t-Tlieta tressaq il-Qorti akkużat li ffastidja sesswalment u li darab gravi lil mara li kienet qed tgħix miegħu, b’sikkina.
John Frances, li huwa min-Niġerja u li jgħix Marsaxlokk tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużat ukoll b’serq aggravat, li żamm lill-mara kontra l-volontà tagħha u li sfurzaha tissottometti ruħha għal att sesswali degradanti.
L-imputat wieġeb mhux ħati u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni għal ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius Bonello flimkien mal-Avukati Jurgen Dalli u Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.