Sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, il-karozzi meqjusin favur l-ambjent u li jniġġsu mill-inqas minn dawk li jaħdmu bil-fjuwils konvenzjonali tal-petrol jew diesel biss, kienu jgħoddu għal aktar minn sitta u għoxrin elf vettura.
Dawn jinkludu vetturi elettriċi, hybrid, plug-in hybrid u dawk li jaħdmu bil-gass, li fl-aħħar snin ilkoll ġew inċentivati mill-Gvern Malti, baġit wara ieħor, biex tinbidel il-mentalità tas-sewwieqa lokali.
Skont l-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, sa Ġunju kien hemm żieda ta’ kważi tlett elef vettura meqjusin favur l-ambjent f’pajjiżna, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra meta l-ammont tagħhom kien ta’ ftit aktar minn tlieta u għoxrin elf vettura.
Minkejja dan l-ammont ta’ vetturi favur l-ambjent, l-akbar ammont tal-karozzi tal-passiġġieri fit-toroq Maltin jibqgħu dawk li jaħdmu biss bil-petrol u d-diesel.
Vetturi li jaħdmu bil-petrol biss jgħoddu għal iżjed minn mitejn u tnax-il elf vettura, filwaqt li dawk li jaħdmu bid-diesel biss jammontaw għal ftit inqas minn erbgħa u disgħin elf vettura.
Waqt li l-vetturi li jniġġsu l-inqas għadhom f’minoranza fit-toroq Maltin, dawn qegħdin jiżdiedu minn sena għal sena, kif tibqa’ turi b’mod kostanti l-istatistika uffiċjali perjodu wara ieħor.
Fost l-aħħar inċentivi tal-Gvern favur din il-qalba ambjentali fit-trasport privat, tinkludi l-għotja bla preċedent ta’ €11,000 lil kull min jixtri karozza elettrika f’Malta u €12,000 jekk din tinxtara f’Għawdex.
Magħha jiżdied ukoll il-benefiċċju ta’ €1,000 meta tiġi skrapjata vettura antika u tinxtara oħra ġdida.