Fl-aħħar għaxar snin, il-Gvern Laburista investa aktar minn biljun ewro fis-settur tal-enerġija. Dan qalitu l-Ministru responsabbli mill-enerġija, Miriam Dalli, waqt dibattitu politiku fil-programm ‘XTRA’ t-Tnejn filgħaxija.
Fil-fatt il-Ministru sostniet li, din is-sena waħedha, il-Gvern investa €55 miljun f’dan il-qasam u x-xogħlijiet dwar id-distribuzzjoni tad-dawl qed ikomplu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel.
“Dan il-Gvern f’dawn l-aħħar għaxar snin għamel investimenti massiċċi fejn jidħol is-settur tal-enerġija. Kellek is-settur tal-ġenerazzjoni u s-settur tad-distribuzzjoni. Jekk tħares lejn dawn l-aħħar għaxar snin Gvern Laburista investa €220 miljun fejn tidħol is-sistema tad-distribuzzjoni u investa €750 miljun fejn tidħol is-sistema tal-ġenerazzjoni. Għandek biljun ewro investiment, jiġifieri għandek investiment u għandek investiment massiċċ.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Sadanittant, il-Ministru tkellmet dwar id-differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna bħalissa u għaxar snin ilu, fejn l-ekonomija f’pajjiżna fi żmien Gvern Nazzjonalista kienet waħda qoxqox u l-Ministru responsabbli ta’ dak iż-żmien responsabbli mill-enerġija, Tonio Fenech, ried ibiegħ lill-Enemalta għal ewro wieħed biss.
“Għandek raġun għaxar snin ilu ma kellniex issue bħal din, għax kellna ekonomija li mhux tikber kienet, imma ekonomija li kienet qed tinxef qoxqox. L-istess kif nixef qoxqox l-investiment fl-Enemalta min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Ejja ma ninsewx li reġa’ tfaċċa lbieraħ Tonio Fenech, li l-Enemalta qas one euro ma kien ħa jġib lejha u qata’ qalbu minnha, għax lanqas investiment fiha m’għamlu.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Fl-istess programm ippreżentat minn Saviour Balzan, il-Ministru Dalli tenniet li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’disa’ punti, li issa m’għadhomx isemmuhom – garanzija li jgħollu l-kontijiet għall-familji u n-negozji.
Sadanittant, kompliet issir enfażi fuq il-pjan fallaċi tal-Partit Nazzjonalista fid-distribuzzjoni tal-elettriku fejn jingħad li tingħata garanzija lin-nies li jkollhom 99.5% provvista tad-dawl.
Dan ifisser li kontinwament ikun hemm punt ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni li ma jkollhomx dawl.
Minbarra hekk, biex dawk il-persuni bla dawl jingħataw kumpens iridu jagħmlu bejn 12 u 24 siegħa mingħajr dawl f’darhom biex jirċievu xi ħaġa.
“Fid-disa’ punti taf x’inhi l-garanzija li jagħtu lin-nies, li jkollhom 99.5 percent dawl. Dan ifisser li 0.5 percent qed tiggarantulhom in-nies li ma jkollhomx dawl. Taf x’jiġiferi dik? Qed tgħidulhom lin-nies għandek 44 siegħa fis-sena mingħajr dawl. Int qed tgħid li s-sitwazzjoni tagħna ħażina, aħseb u ara jekk tħallihom 44 siegħa. Garanzija li punt 5 percent ma jkollhomx dawl.”
Il-Ministru Miriam Dalli