L-entità governattiva Aquatic Resources Malta, li twaqqfet riċentament, nediet stħarriġ xjentifiku fl-ibħra territorjali ta’ pajjiżna bil-għan li jkun hemm aktar għarfien dwar ħut u ħlejjaq marittimi oħrajn li jinsabu fil-baħar ta’ madwarna.
L-informazzjoni miġbura dwar stokkijiet tal-ħut, imbagħad, mistennija tintuża fl-istadju tal-ippjanar kemm lokalment kif ukoll fuq bażi internazzjonali biex ikun hawn sajd aktar sostenibbli.
Fuq perjodu ta’ madwar tliet ġimgħat, Aquatic Resources Malta qed tagħmel użu minn bastiment tas-sajd li ġie attrezzat bl-aktar għodda xjentifika avvanzata, iffinanzjata minn fondi Ewropej. Il-programm ta’ ħidma jiffoka fuq it-teħid ta’ kampjuni minn 45 post differenti f’diversi żoni marittimi madwar pajjiżna.
Dawn il-kampjuni kollha qed jiġu rreġistrati bil-għan li jiġu identifikati l-parametri bioloġiċi kollha tal-ispeċi fil-baħar ta’ madwarna, fosthom il-maturità, l-età, it-tul u l-piż tagħhom.
Skart miġbur waqt kull kalata wkoll se jiġi dokumentat u kklassifikat biex tinġabar informazzjoni ambjentali f’dan ir-rigward.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aquatic Resources Malta, Frank Fabri, spjega kif, għall-ewwel darba, l-aġenzija stiednet numru ta’ istituzzjonijiet akkademiċi u entitatijiet li jaħdmu f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jippartecipaw f’waħda mill-kalati ħalli huma wkoll ikollhom stampa aktar ċara tax-xogħol li qed jitwettaq abbord.
“Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn fiha stajna naraw il-preparazzjonijiet li jsiru qabel dan it-tip ta’ studju. Rajna wkoll ħafna ħiliet jiġu amministrati minn xjenzati abbord dan il-bastiment u se nkunu qegħdin inkomplu naraw aktar eżerċizzji li se jkunu qed isiru b’riżultat tal-qabda li kien hawn illum fil-laboratorji tal-Aġenzija Aquatic Resources Malta.”
Frank Fabri – Kap Eżekuttiv, ARM
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Sajd, Alicia Bugeja Said, stqarret kif dan l-istudju hu importanti, għax permezz tiegħu nifhmu aħjar il-ħażna tal-istokkijiet tal-ħut.
“Nifhmu s-sostenibilità ta’ diversi speċi li nsib fil-Mediterran. Minn hawnekk nixtieq nirringrazzja lix-xjenzati kollha involuti f’din ir-riċerka u nittama li flimkien inkomplu naħdmu biex niżguraw is-sostenibilità tas-settur tas-sajd kemm mill-att ambjentali kif ukoll dak ekonomiku.”
Alicia Bugeja Said – Segretarju Parlamentari