Il-katamara l-ġdid RagusaXpress se jibda jopera bejn Malta u Ragusa fil-jiem li ġejjin, skont rapport fil-ġurnal Sqalli ‘La Sicilia’ fejn ingħad li issa kollox jinsab lest biex dan jagħmel l-ewwel vjaġġ tiegħu.
Wara xi diffikultajiet fl-aħħar xhur, issa s-servizz il-ġdid, li kien mistenni jibda fir-rebbiegħa li għaddiet, jidher li għandu kollox biex jibda jikkompeti fis-suq fil-ġarr tal-passiġġieri u l-vetturi lejn Sqallija.
Fl-aħħar jiem, ONE News ħabbar li binja f’Albert Town, fil-limiti tal-Marsa, li kienet mitluqa għal żmien twil, se tkun qed tintuża bħala l-bażi tal-operazzjonijiet ta’ dan il-katamaran il-ġdid.
Minbarra li se tkun qiegħda tintuża bħala terminal, il-binja, li ngħatat il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar, se tospita wkoll klinika u parkeġġ għal madwar 58 vettura, kif ukoll spazju għal waqfien temporanju fil-viċin.
Il-proġett Ragusa Xpress beda f’Jannar tal-2023 mill-investitur lokali Paul Gauci. Il-bastiment ta’ 51 metru se jkun qiegħed iġorr madwar 430 passiġġier u 21 karozza jew 60 mutur, waqt li l-vjaġġi tiegħu jieħdu madwar siegħa u 45 minuta biex jaqsam mill-Port il-Kbir għal Marina di Ragusa ftit ’il bogħod minn Pozzallo, fin-Nofsinhar ta’ Sqallija.
Kitba: Dasier Damato