Sigħat qabel jagħlaq iż-żmien li l-pajjiżi li se jipparteċipaw fil-Eurovision li ġej kellhom jissottomettu l-kanzunetti tagħhom, ir-Russja ħabbru li se jibagħtu kantanta li kantat f’kunċert li sar fil-Krimea sentejn ilu. Dik deskritta bħala mossa politika mill-Gvern ta’ Moska, l-istazzjon Russu Channel One għażel lil Julia Samoilova biex tirrapreżenta lir-Russja f’pajjiż li qattgħet l-karti miegħu.
Samoilova mistennija tkun it-tieni kantanta fuq siġġu tar-roti li se titla’ fuq palk tal-Eurovision. Bosta raw l-għażla ta’ Samoilova bħala mod kif ir-Russi jirċievu simpatija meta jmorru jikkompetu għand l-għedewwa. Madankollu l-fatt li din marret tkanta fil-Krimea fl-eqqel tat-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna ma tantx niżlet tajjeb.
Fl-aħħar jiem kien hemm dubji kbar kemm ir-Russi kienu se jmorru għall-Eurovision fl-Ukrajna. Dan wara li ż-żewġ pajjiżi jinsabu fi gwerra minħabba t-teħid tal-Krimea minn ħalq l-awtoritajiet Ukreni u l-ġlied fl-Lvant tal-Ukrajna bejn il-qawwiet Ukreni u r-ribelli appoġjati mill-qawwiet Russi.
Nies qrib il-Kremlin bdew saħansitra jgħidu li wara li r-Russja tilfet l-aħħar Eurovision għas-spejjeż tal-Ukrajna, f’Mejju li ġej, il-pajjiż m’għandux għalfejn jersaq lejn Kyiv.
Li l-Eurovision jispiċċa fil-qalba ta’ kontroversja politika m’hiex xi ħaġa ġdida. Fl-2012 l-Armenja għażlet li ma tmurx tikkompeti f’Ażerbajġan wara li ż-żewġ pajjiżi jinsabu f’kunflitt dwar ir-reġjun Nagorno-Karabakh.
Dan filwaqt li l-kantanta li rrapreżentat l-Armenja s-sena l-oħra qajmet għagħa wara li dehret ixejjer bandiera tar-reġjun imsemmi. Din dehret bħala mossa offiża lejn il-poplu t’Ażerbajġan.