Binja abbandunata u żdingata fiż-żona ta’ Albert Town, fil-limiti tal-Marsa, mistennija tinbidel f’terminal għal servizz ġdid tal-katamaran, flimkien ma’ klinika tad-dentistrija, wara rakkomondazzjoni favorevoli mill-uffiċjal inkarigat mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Tali żvilupp se jkun qed ikompli jsaħħaħ ir-riġinerazzjoni ta’ din iż-żona, li kienet għadha mistkerrha, partikolarment minħabba l-produzzjoni industrijali bil-power station, li ngħalqet darba għal dejjem fl-aħħar snin.
Dan it-terminal issa mistenni jagħti bidu għal servizz ta’ katamaran ġdid, li jopera bejn Malta u Sqallija. Ir-Ragusa Xpress se jkun qed ibaħħar bejn pajjiżna u l-Port ta’ Marina di Ragusa, fin-Nofsinhar ta’ Sqallija.
Is-servizz kien mistenni jibda jopera fil-bidu ta’ dan is-sajf, iżda esperjenza dewmien minħabba xi permessi meħtieġa.
Dan il-proġett li jinkludi tibdil intern, faċċata ġdida, klinika ġdida u l-użu ta’ ferry terminal ingħata l-approvat mill-case officer fl-aħħar jiem. Ma’ dan se jkun hemm parkeġġ li jesa’ 58 vettura u spazju għal waqfien temporanju fil-viċin, li wkoll diġà ġie approvat.
Is-sidien tal-binja, Bezzina Group, huma involuti wkoll fil-proġett Marina di Ragusa, hekk kif ġew magħzula biex joperaw il-Mediterranean Yacht Yard, fl-istess port.
Il-proġett issa mistenni jitla’ għall-approvazzjoni finali tal-Awtorità tal-Ippjanar fis-26 ta’ Lulju.