Ix-xogħol infrastrutturali mill-aġenzija Infrastructure Malta fit-Triq Tal-Barrani, fil-limiti ta’ Ħal Tarxien u ż-Żejtun, għaddej ġmielu biex, permezz ta’ dan il-proġett, se tiġi organizzata l-infrastruttura tat-triq ewlenija fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, li wkoll tinkorpora ħames junctions differenti.
ONE News żar il-lant tax-xogħol u tkellem mal-Perit tal-proġett, Walter Portelli, li spjega l-ħidma li qed issir. Ix-xogħlijiet, li jmorru lil hinn minn sempliċiment asfalt, tinkludi wkoll iż-żieda jew tibdil ta’ servizzi ġodda, inkluż tad-dawl u tal-ilma.
“Qed naħdmu fi Triq il-Ħotba u Triq Ħal Tarxien, fejn hawnhekk aħna qegħdin ngħaddu servizzi ġodda. Għadna kif għaddejna cables tad-dawl, mains ġodda tal-ilma u issa ħa nibdew bil-formazzjoni tat-triq.”
Walter Portelli – Perit
Waqt li tenna li ħafna mix-xogħlijiet qed isiru matul il-lejl biex tiġi evitata l-konġestjoni fiż-żona, il-Perit żied jispjega kif se tibda topera ż-żona, wara li jitlesta l-proġett, partikolarment, kif se jkun qed jgħaddi t-traffiku.
Kif titlesta l-formazzjoni, it-traffiku li jkun ġej minn Ħaż-Żabbar, se jiġi ddevjat f’din it-triq il-ġdida, biex issir ħidma f’toroq oħrajn, fosthom Triq San Anard.
“B’mod parallel ma’ dawn ix-xogħlijiet, qed naħdmu wkoll bil-lejl u t-Triq Tal-Barrani, fejn għadna kif neħħejna s-central strip biex noħolqu iżjed wisa’ minn fejn jista’ jgħaddi t-traffiku, u żona fejn inkunu nistgħu npoġġu main ġdid tad-drenaġġ. La jkun lest dan is-servizz inkomplu għaddejjin bl-asfalt tat-triq.”
Walter Portelli – Perit
Portelli elenka t-toroq li se jkun qed jgħaddi minnhom it-traffiku wara t-tlestija tal-proġett.
“Ħa nkunu qed noħolqu konnessjoni ġdida biex it-traffiku li ġej min-naħa ta’ Birżebbuġa, u min-naħa Tal-Barrani, ikun jista’ jidħol fi Triq San Anard, biex ikompli sejjer lejn Ħaż-Żabbar. It-traffiku li ġej minn Ħaż-Żabbar, se jibda jgħaddi minn Triq il-Ħotba u joħroġ fuq it-Triq Tal-Barrani, biex imur lejn il-Belt jew Birżebbuġa.”
Walter Portelli – Perit
Dan il-proġett se jara wkoll, infrastruttura għal dawk li jkunu għaddejjin bil-pass, kif ukoll dawk li jużaw ir-roti, filwaqt li se jsir ukoll landscaping biex tiġi rispettata l-estetika taż-żona.
“Ħa nkunu qegħdin noħolqu żewġ pedestrian crossings, biex in-nies tkun tista’ taqsam it-Triq Tal-Barrani b’mod aktar sigur. Se nkunu qed noħolqu bankini ġodda, cycle lane ġdida u wkoll qed inżidu l-landscaping fi Triq il-Ħotba u Triq San Anard.”
Walter Portelli – Perit
Bi tħejjija għal dan il-proġett, kienet saret konsultazzjoni, inkluż ma’ dawk konċernati, bħall-Kunsill ta’ Ħal Tarxien.
Il-proġett jinkorpora wkoll bus stops aktar aċċessibbli bil-bankini, filwaqt li tpoġġa wkoll main għall-ilma tax-xorb u cables tat-telekomunikazzjoni, fost l-oħrajn.