Il-plejer tal-waterpolo ta’ San Ġiljan Ben Plumpton ippreżenta mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Assoċjazzjoni tal-iSport Akwatiku (ASA Malta) b’rabta mad-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina li ftit tal-ġimgħat ilu issospendietu 12-il logħba u mmultatu €1,270 meta sabitu ħati ta’ kondotta vjolenti waqt il-logħba mill-kampjonat tas-sajf bejn San Ġiljan u Sliema.
Il-mandat ġie ppreżentat it-Tnejn fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jikkontesta l-fatt li l-Bord tal-Appell żied is-sospensjoni oriġinali tiegħu minn erba’ għal tnax-il logħba filwaqt li żdiedet ukoll il-multa .
Il-każ jirrigwardja protest imressaq minn Sliema ftit tal-ġimgħat ilu, fejn allegaw li Plumpton gidem żewġ plejers minn tagħhom, Daniel Rizzo u Jayden Cassar .
Il-Bord tad-Dixxiplina kien sab lill-plejer ta’ San Ġiljan, Ben Plumpton ħati u ingħata żewġ logħbiet sospensjoni flimkien ma’ multa ta’ €300 għal kull każ. Dan kien ifisser total ta’ erba’ logħbiet u €600 multa. L-istess Kummisarju tad-Dixxiplina qal ukoll li Ben Plumpton huwa riċediv u ta’ dan immultah €400 oħra.
Il-klabb ta’ San Ġiljan appella minn din is-sentenza, appell li ma’ ġiex milqugħ mill-Bord tal-Appelli fejn reġa’ sab lil Plumpton ħati tal-akkużi. Kien għalhekk li l-Bord tal-Appell iddeċieda li jżid is-sospensjoni ta’ Plumpton minn erba’ għal tnax -il logħba filwaqt li l-multa żdiedet minn €1000 għal €1270.
L-avukati ta’ Ben Plumpton qed jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u qed jgħidu li saret inġustizzja mal-plejer li bi 12-il logħba sospensjoni se jkunu qed jitlef il-kumplament tal-istaġun tal-Waterpolo.
Intant il-Qorti ippreseduta mill-Imħallef Josette Demicoli talbet lill-ASA Malta sabiex tressaq risposta fi żmien għaxart ijiem filwaqt li ma laqgħetx it-talba ta’ l-avukati ta’ Plumpton, li ried li l-każ jinstema’ sat-3 ta’ Awwissu, peress li teħtieġ li tistħarreġ aktar dwar il-każ. Għalhekk il-Qorti se tkun qed tiltaqa’ t-Tnejn 12 ta’ Awwissu.
Għad mhux magħruf jekk dan hux se jkollu effett fuq it-tkomplija tal-kampjonat tal-Waterpolo u jekk l-istess kampjonat jiġies sospiż sakemm jintemm il-każ.