Is-sit awtorevoli Forbes innota li pajjiżna hu wieħed mill-aħjar tliet destinazzjonijiet għal dawk li qed ifittxu li jgħixu jew jaħdmu b’mod remot f’pajjiż ieħor. Fuq il-bażi tal-aħjar servizzi li jeżistu fil-pajjiżi rispettivi, partikolarment dawk tas-saħħa u sistemi diġitali, Malta ġiet wara Spanja u l-Ġermanja rispettivament, skont l-esperti ta’ Forbes.
B’mod partikolari, pajjiżna hu fost il-favoriti ma’ dawk il-persuni li qed ifittxu li jaħdmu b’mod remot minn pajjiżi ’l bogħod minn fejn tkun topera l-kumpanija jew negozju impjegati magħhom – l-hekk imsejħin nomadi diġitali.
L-esperti ta’ Forbes, fil-fatt, qalu li Malta hi waħda mill-aħjar postijiet fl-Ewropa għal dan il-għan, b’punteġġ ta’ 7.29 minn massimu ta’ 10. Isemmu kif fl-2023 saru aktar minn 18,600 tfittxija fuq l-internet b’rabta ma’ dan is-servizz f’pajjiżna.
L-opportunità ta’ visas simili f’pajjiżna bdiet minn Ġunju tal-2022, permess li jippermetti kemm lill-freelancers kif ukoll lill-ħaddiema b’kuntratt li jirrilokaw f’Malta, iżda jaħdmu għal kumpaniji barranin. Dan anke minħabba l-fatt li Malta hi deskritta bħala ċentru għal industriji tal-gaming.
Skont il-permess li jinħareġ, nomadi diġitali jistgħu joqogħdu f’pajjiżna għal minimu ta’ 12-il xahar, iżda dan jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ tliet snin.
Minbarra hekk, Forbes spjega wkoll li Malta tinsab fid-19-il post madwar id-dinja kollha f’termini ta’ servizzi tas-saħħa. Ġie rrimarkat li pajjiżna għandu waħda mill-aktar sistemi tal-kura tas-saħħa avvanzati, kemm fejn tidħol kura pubblika kif ukoll dik privata.
Pajjiżna jħabbatha ma’ pajjiżi, li huma ferm akbar minna, bħal Spanja, li ġiet quddiem nett fil-lista b’punteġġ ta’ 8.13 minn 10 u, is-sena li għaddiet, kien hemm aktar minn 98,400 tfittxija fuq l-internet għal xogħol f’dan il-pajjiż fil-Punent tal-Ewropa.
Spanja wkoll introduċiet is-servizz ta’ visas għal nomadi diġitali f’Diċembru tal-2022 u tippermetti lill-barranin jaħdmu b’mod remot minn bliet, bħal Madrid u Barċellona, inkella mill-gżejjer ta’ Ibiza jew Lanzarote.
F’dan ir-rigward, dik li hi meqjusa bħala mutur ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja, ġiet fit-tieni post b’punteġġ ta’ 7.40 minn 10.