F’Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq il-bieraħ filgħaxija ġew fi tmiemhom il-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-19 il-sena meta fil-finali Spanja għelbu lil Franza bl-iskor ta’ 2-0. Il-finali kienet waħda kumbattuta bejn żewġ timijiet li jipposjedu ħafna plejers ta’ talent. Bħal daż-żmien sena ilu l-Italja kienu rebħu t-titlu f’din il-kategorija f’Malta wara li l-avveniment kien organizzat f’pajjiżna mill-UEFA bil-kollaborazzjoni tal-MFA.
Waqt it-turnew li beda fil-15 ta’ Lulju l-MFA kienet irrapreżentata minn Ishmael Barbara, referee tal-FIFA, li b’kollox ikkontrolla 3 partiti fosthom is-semi-finali bejn Franza u l-Ukrajna filwaqt li fil-finali tal-bieraħ kien ukoll qed iservi bħala r-raba’ uffiċjal tal-partita.
Din kienet esperjenza unika għal Barbara li għandha tkompli tgħinu fl-iżvilupp personali fil-karriera ta’ uffiċjal tal-logħba, iżda mhux biss, dan l-appuntament min-naħa tal-UEFA huwa turija ta’ fiduċja fl-uffiċjali Maltin fuq livell internazzjoni.
Apparti minnhekk il-finali tal-bieraħ kienet ukoll segwita mill-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, fl-irwol tiegħu ta’ Chairman tal-UEFA Youth & Amateur Football Committee. Vassallo ippreżenta l-midalji kommemorattivi lill-uffiċjali tal-logħba, lit-tim tellief Franza kif ukoll lir-rebbieħa tat-turnament Spanja.
Il-Youth & Amateur Football Committee huwa responsabbli mill-organizazzjoni tat-turnew fil-kategoriji taż-żgħażagħ u tad-dilettanti organizzati mill-UEFA.