Tniġġis fix-xmara Siene wassal biex is-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-għawm skedati għal-lum għall-atleti tal-Olimpjadi, kellhom jitħassru.
Din hija t-tieni darba konsekuttiva li t-taħriġ kellu jitħassar minħabba t-tniġġis li hemm fix-xmara.
Fi stqarrija ngħad li t-testijiet li saru wrew li l-kwalità tal-ilma għadu taħt l-istandards aċċettabbli, u l-organizzazzjonijiet qed jisħqu li s-saħħa tal-atleti hija prijorità.
It-triathlon tal-irġiel se tibda għada, u jekk il-kwalità tal-ilma ma tilħaqx l-istandards meħtieġa fil-ġurnata tat-tellieqa, hemm jumejn oħra meta tista’ ssir bħala pjan ta’ kontinġenza – fl-ewwel jew fit-tieni t’Awwissu.
Jekk il-kwalità tal-ilma tibqa’ mhux aċċettabbli, il-parti tal-għawm tat-tellieqa jkollha titħassar u tiġi duathlon, biex l-atleti jikkompetu biss bir-roti u l-ġiri.
Testijiet li saru aktar kmieni dan ix-xahar kienu wrew li x-xmara Seine kienet nadifa biżżejjed għall-għawm, iżda xita qalila li għamlet fil-kapitali Franċiża tul dan it-tmiem il-ġimgħa, rat il-kwalità tonqos.