Raġel ta’ 42 sena mill-Ħamrun ġie ordnat iħallas tlett elef ewro wara li ammetta li hedded mara u kien taħt l-influwenza tad-droga u tal-alkaħol.
Il-Ħadd filgħodu l-Qorti fetħet b’urġenza wara li r-raġel ġie akkużat li fis-27 ta’ Lulju bejn il-ħamsa u nofs u t-tmienja u nofs ta’ filgħodu fi Triq il-Qajjied, is-Siġġiewi kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, għamel diversi ħsarat fuq il-vettura tal-vittma, heddiedha u kkawżalha biża’.
Ġie akkużat ukoll li ta fastidju lill-vittma repetutament, kif ukoll li rreżista l-arrest.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi James Mallia u Wayne Bonello spjegat li għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħodu, il-pulizija fl-għassa tas-Siġġiewi rċevew telefonata mingħand il-vittma li l-akkużat pprova jidħol fir-residenza tagħha.
Meta l-pulizija marru fuq il-post, sabu l-istess raġel ftit metri ‘l bogħod mir-residenza tal-vittma bilqiegħda fuq bank u ġie arrestat.
Quddiem dawn l-akkużi, l-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat difensur José Herrera u l-Prosekuzzjoni pproponew lill-Qorti biex l-imputat ma jingħatax sentenza sospiża għaliex fl-2015 weħel multa li sa issa għadha mhux imħallsa. L-avukat Herrera żied jgħid li mill-2013, l-akkużat ma kellu l-ebda każijiet pendenti, jew każijiet ta’ vjolenza domestika.
Apparti minn hekk, il-Prosekuzzjoni talbet li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello kkundanatu jħallas €3,000 f’danni lill-vittmi, kif ukoll kellu jagħti garanzija li jżomm il-paċi pubblika għal sena.