Hekk kif bħal lum fit-tmienja u għoxrin ta’ Lulju, jitfakkar il-Jum Dinji tal-Hepatitis, iċ-Ċentru Ewropew tal-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, enfasizza fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mill-mard infettiv tal-Hepatitis B u l-Hepatitis C, li joħolqu riskju għoli ħafna ta’ kanċer tal-fwied fl-Ewropa kollha.
Hu stmat li l-kanċer tal-fwied wassal għall-mewt ta’ 55,000 persuna fl-Ewropa fl-2022.
L-ECDC qal li, filwaqt li hu impossibbli li tiġi eliminata għal kollox il-marda tal-kanċer, jistgħu jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-Hepatitis B u C. Dan permezz ta’ ttestjar kmieni u kura immedjata u aċċessibbli li huma kruċjali biex tali viruses jiġu kkontrollati.
Jirriżulta li madwar wieħed minn kull tliet persuni infettati bil-marda kronika tal-Hepatitis B huma persuni li mhux ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Bl-istess rata jiġu infettati bil-Hepatitis C l-aktar dawk li jinjettaw lilhom infushom bid-droga.
L-ECDC enfasizza li, filwaqt li l-kura qed tikseb riżultati ta’ suċċess, parti kbira tan-nies mhumiex konxji li huma infettati, inkella jindunaw meta jkun tard wisq u allura mhumiex jieħdu l-kura meħtieġa.
Għaldaqstant iċ-ċentru Ewropew esiġa dwar il-ħtieġa ta’ iżjed ittestjar fil-pajjiżi kollha, kollaborazzjoni akbar bejn il-gvernijiet, l-entitajiet tas-saħħa u l-komunitajiet biex il-proċess tal-fejqan jimxi b’rata iżjed mgħaġġla.