F’Santa Venera, ġew milħuqa żewġ rekords ġodda – dik tal-akbar Kannizzata, kif ukoll tal-akbar ammont ta’ statwi mill-istess artist, fl-istess triq.
Din il-Kannizzata, magħmula mill-ħadid, l-injam u d-drapp, hija magħmula mill-Kummissjoni Żgħażagħ Palmisti, b’pittura ta’ Kurt Friggieri u fuq disinn ta’ Clive Mallia.
Tkellimna ma’ Clive Mallia, voluntier u delettant tal-festa ta’ Santa Venera, waqt li kienu għaddejjin, bl-aħħar preparamenti, li qalilna fiex tikkonsisti eżatt din il-kannizzata, li isservi primarjament sabiex tipproteġi lill-bandisti mill-qilla tax-xemx, li taf taħkem f’Lulju.
“Qiegħed tara dawramejt pavaljun li ma’ dan il-pavaljun qed naraw miktub l-Innu Popolari ta’ Santa Venera, u fuq għandek versi mill-antifona li tindaqq proprju fil-Knisja. Naturalment ukoll, ma jonqosx xbieha ta’ Santa Venera, tal-artist bravu Kurt Friggieri, u s-simboli kollha li jappartjenu mal-ħajja ta’ Santa Venera.”
Min-naħa l-oħra, it-triq prinċipali f’Santa Venera wkoll wasslet għal kisba ta’ rekord mill-Kumitat Festi Esterni Santa Venera – b’27 statwa tal-artist mibki Renzo Gauci.
Mallia, żied jispjega kif is-Soċjetà Filarmonika Santa Venera, qed tfakkar is-60 sena mit-twaqqif tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni Żgħażagħ Palmisti, qed tiċċelebra it-30 sena tagħha.
Fil-fatt, aktar kmieni din is-sena, infetaħ il-każin, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
Barra minn hekk, Mallia, spjega kif din is-sena, qed jiġi ċċelebrat Anniversarju ieħor – dak tal-ħmistax-il sena mit-twaqqif tal-Għaqda tan-Nar 26 ta’ Lulju.
Ritratti: Sebio Aquilina / Matthias Brancaleone