Is-sena l-oħra, il-valur tal-frott u l-ħaxix li nbiegħ mill-pitkalija kien jgħodd għal kważi tmienja u għoxrin miljun ewro. Dan ħareġ skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Hawnhekk ġiet innotata żieda sinifikanti ta’ aktar minn sitt miljun ewro, meta mqabbel mas-sena 2021, is-sena li fiha twaqqfet il-Malta Food Agency, li tmexxi l-pitkalija.
Dan hekk kif f’din is-sena msemmija, il-valur tal-frott u l-ħaxix kien ta’ aktar minn wieħed u għoxrin miljun u ħames mitt elf
B’rabta ma’ dawn iċ-ċifri, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency Brian Vella li sostna li dawn in-numri huma sinifikanti, hekk kif dan juri l-impatt li kellha din l-aġenzija.
“Li għamlet l-aġenzija huwa li organizzat il-pitkalija, aħna ngħidu li minn post ta’ kontroversja, illum ġie post fejn il-bidwi jista’ jserraħ moħħu.”
Vella spjega li l-bdiewa, li jgħoddu għal elf u tmien mija li huma rreġistrati mal-pitkalija, huma fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li ssir mill-aġenzija u ssir konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-bdiewa u l-istakeholders.
Semma li l-Aġenzija għamlet numru ta’ inizjattivi sabiex għandha fiduċja mill-bdiewa, anki f’dik li għandha x’taqsam mal-qalba diġitali.
“Għandna l-IT core system u l-prodott li jġib il-bdiewi fil-pitkalija jkun reġistrat. Minn hemmhekk imbagħad id-data malli tidħol fis-sistema tagħna għandna platform li jista’ jagħmel aċċess għalih il-bidwi, fejn jara l-istatements u l-prodott tiegħu kemm ġab flus. Għandna platform li għandu aċċess għalih ix-xerrej, allura jista’ jsegwi kemm għandu jagħti flus, mingħand min xtara, kemm xtara, min hu l-bidwi u hemmhekk qed inżidu l-intraċibilità. Hemmhekk qed nitkellmu fuq ix-xerrej, imbagħad ix-xerrej nafu li qed ibiegħ lill-konsumatur.”
Vella qal ma’ ONE News li l-aġenzija għandha pjattaforma biex isegwi s-suq fil-pitkalija dak li jkun għaddej b’mod dirett u tara li jkun hemm sigurtà ta’ ikel.
Fost l-inizjattivi l-ġodda mill-Aġenzija hemm dik ta’ app sabiex ma jkunx hemm ħela ta’ ikel.
“App li ħa tindirizza anki l-ħela tal-ikel għaliex aħna hawnhekk daħħalna sistema fejn f’dak kollu li ma nbigħx ġewwa l-pitkalija, dak li jibqa’ tajjeb dak jingħata lill-food banks. Imbagħad dak li hu ħażin, imur il-Wasteserv, fejn isir kompost u jiġi ritornat lura bħala kompost u jingħata lill-bidwi. Dik ħa tikber u ħa tinfirex ukoll anki mas-supermarkets, li jekk hemm supermarket li għandu għaġin, pereżempju li wasal biex jiskadi u tajjeb għall-konsum jiġi uploaded fis-sistema u s-sistema b’mod diġitali jkun jista’ jitqassam anki l-foodbanks u hemmhekk se jkun hemm pjan li se jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.”