“Se nieħdu d-deċiżjonijiet kollha li huma meħtieġa.” Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Robert Abela permezz ta’ kollegament telefoniku fuq il-programm Paperscan, il-Ħadd filgħodu.
Hawnhekk il-Prim Ministru reġa’ spjega l-ħsieb wara d-deċiżjoni strateġika rigward il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, wara evalwazzjoni li minnha ħareġ li pajjiżna m’għandux bżonn aktar ħaddiema tal-Y plates u food couriers.
Dr Abela spjega kif din ma kinitx deċiżjoni iżolata.
“Insemmi żewġ inizjattivi li kienu propju f’din il-linja. L-ewwelnett il-liġi li tirregola t-temping agencies iġifieri dawk l-aġenziji li xogħolhom huwa li jġibu l-ħaddiema barranin minn barra l-pajjiż li sakemm għamilnieha kien settur li lanqas kien regolat. Konna aħna li daħħalna regolamenti għall-ewwel darba. Insemmi wkoll l-iskills card li għamilna fis-settur tal-ospitalità biex hemmhekk ukoll daħħalna l-element tat-taħriġ.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Id-deċiżjoni li tħabbret aktar kmieni din il-ġimgħa tirrifletti studju li sar mill-JobsPlus li wera kif pajjiżna jista’ jieħu deċiżjonijiet importanti bħal din.
Dr Abela għadda messaġġ ċar lil dawk li qegħdin jippruvaw jieħdu vantaġġ mis-sistema.
“Dawk l-aġenziji jew individwi li se jippruvaw jgħaddu mit-tieqa flok ma jgħaddu mill-bieb se jsibu rifjut ukoll, kif diġà sabu għaliex irrifjutajna diġà mijiet ta’ applikazzjonijiet dwar ħaddiema li dwarhom ippruvat tintlagħab il-logħba li jdaħħluhom taparsi biex jagħmlu xoħgol ieħor ġo Malta stess imbagħad jaqilbuhom għal dan is-setturi li semmejt, jew ta’ couriers tal-Y plates. Imbagħad wara li jaqilbuhom jgħaddu minn dik it-tieqa, imbagħad iġibu oħrajn fix-xogħol l-ieħor. Jien ngħaddi messaġġ ċar hawnhekk, m’hemmx lok għal dan il-logħob.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna kif dan kollu jirrifletti ġustizzja ma’ dawk il-ħaddiema Maltin u Għawdxin li investew f’dan is-settur u minħabba l-influss ta’ ħaddiema ma kellhomx ħlas xieraq. Dan filwaqt li fakkar kif il-ħaddiema barranin li diġà qegħdin fis-suq mhux se jitkeċċew, hekk kif xejjen rapporti fil-midja dwar dan.
Hawnhekk il-Prim Ministru reġa’ rriafferma kif Gvern Laburista se jibqa’ jifhem u jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-ħafna.
Mistoqsi dwar l-infurzar fejn jidħlu l-imwejjed u s-siġġijiet ta’ stabbilimenti tal-ikel, Dr Abela reġa’ sostna kif hawn għandha tkompli l-ħidma biex jintlaħaq il-bilanċ, bil-prinċipju ewlieni jibqa’ dak li ma jistgħux igawdu l-ftit għad-detriment tal-ħafna.
“L-istess hawnhekk l-appell ċar tiegħi lin-negozji. Jiena nemmen hemmhekk li rridu noħolqu infrastruttura fejn in-negozju iva jkompli jikber u jimraħ però wkoll illi jopera b’rispett jiġifieri l-appoġġ tagħna lejn in-negozji ħa jibqa’ wieħed b’saħħtu kif dejjem kien imma dak li nitlob lura jiena huwa li jkun hemm rispett reċiproku lejn kull min jista’ jiġi affettwat minn dak in-negozju partikolari.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jappella favur l-infurzar, kif diġà sar f’diversi lokalitajiet, fejn in-negozji ma jimxux mar-regolamenti bil-għan li jibqgħu jiġu mħarsa l-karatteristiċi partikolari tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.